Lokali

“In-nisa vittmi tal-vjolenza huma vittmi wkoll ta’ Gvern inkompetenti” – PN

Ir-reazzjoni maħruġa lbieraħ mill-Gvern fuq ir-rapport ippublikat mill-GREVIO fuq il-vjolenza fuq il-mara, turi l-inkompetenza ta’ Gvern maqtuh mir-realta’ li ma’ jridx jara il-gravita’ tas-sitwazzjoni f’pajjiżna. Il-punti ewlenin li joħorġu mir-rapport GREVIO juri dak li ilha tgħid l-Oppożizzjoni għal dawn l-aħħar snin, jiġifieri li l-Gvern Laburista mhux qed ikun effettiv fil-ħidma kontra l-vjolenza fuq in-nisa, u dan għaliex m’hemmx l-għarfien u l-impenn serju f’dan il-qasam.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-PN Claudette Buttigieg.

Ir-rapport tal-GREVIO jgħid li hemm xogħol li jrid isir b’urġenza serja biex Malta verament tilħaq l-istandards mitlub minnha f’dan il-qasam. Bħala prijorita’, r-rapport GREVIO jinsisti li l-Gvern Malti mhux qed jindirizza l-vjolenza fuq il-mara.

Il-Gvern poġġa din it-tip ta’ vjolenza ma’ forom oħra ta’ vjolenza li qed imewwtu u jfixxklu l-attenzjoni meħtieġa biex tieqaf il-vjolenza fuq il-mara sempliċement għax hija mara, u dan, f’soċjeta’ li qed izzomm lin-nisa inferjuri għall-irġiel. Ir-rapport juri wkoll it-tħassib serju fuq nuqqasijiet oħra, fosthom:

  • Nuqqas ta’ taħriġ għall-professjonisti fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq il-mara.
  • Nuqqas ta’ taħriġ tal-pulizija u l-ġudikatura li qed ikollu konsegwenzi serji ħafna fil-proċess ġudizzjarju.
  • Nuqqas fis-servizzi ta’ sapport u burokrazija żejda li qed tkompli tgħaffeġ lill-vittmi.
  • Nuqqas ta’ professjonalita’ fil-ġbir ta’ provi li wassal ukoll biex tali provi ġieli ntilfu.
  • Nuqqas ta’ servizz għall-vittmi ta’ bejn is-16 u t-18-il sena.
  • Nuqqas ta’ sensittivita’ mill-esperti tal-Qorti lejn nisa li huma vittmi ta’ vjolenza bl-insistenza tal-proċess ta’ medjazzjoni.
  • Nuqqas fil-proċess tal-ażil ta’ nisa li diġa’ huma vittmi ta’ vjolenza.

Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg fakkret li dan ir-rapport jindika x’għandu jagħmel il-Gvern u jagħti lista twila ta’ miżuri li għandhom jittieħdu b’mod urġenti. Fuq kollox jgħid li l-Gvern qed jiżbalja meta ma jindirizzax il-vjolenza fuq il-mara b’mod ċar. Dan qed ikun rifless fil-liġijiet u fil-proċessi li qed jaggravaw is-sitwazzjoni tal-mara meta tkun vittma ta’ vjolenza.

Il-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern Laburista biex ma’ jkomplix jgħaddas rasu fir-ramel u jindirizza din il-problema b’urġenza fl-oqsma soċjali, politiċi u legali kollha.

Appell ukoll biex l-NGOs ħabbrieka f’dan il-qasam jingħataw iktar għajnuna finanzjarja biex ikomplu bil-ħidma fejjieda tagħhom. Illum huma 4% biss tan-nisa vittmi ta’ vjolenza li jieħdu ġustizzja fil-Qrati. Is-96% li jibqgħu bla ġustizzja żgur li, bħall-Oppożizzjoni, se jibqgħu jittamaw li l-Gvern ibiddel ir-rotta li qabad u jagħmel xi ħaġa serja u effettiva f’dan il-qasam.