Lokali Parlament

Ir-riformi fil-qrati jridu bilfors investiment fir-riżorsi umani

Joe Ellis, PN

Id-deputat Nazzjonalista Joe Ellis qal li kull riforma fil-qrati trid tkun sostnuta minn investiment qawwi fir-riżorsi umani.

Fil-parlament Joe Ellis ippropona li l-preżentatai tal-atti tibda ssir elettronikament biex din ma tibqax issir fiżikament. Wasal iż-żmien li jkunu introdotti prattiċi ġodda biex tiżdied l-effiċjenza għaliex Malta għadha ferm lura meta komparata ma’ pajjiżi barranin.

Il-gvern irid ikollu l-kuraġġ biex jixporuna lis-settur pubbliku biex jitwettqu dawn ir-riformi, qal id-deputat Nazzjonalista li kompla li fin-notifika tal-imputati li hi waħda mill-problemi tad-dewmien. Dan biex tispiċċa s-sitwazzjoni li fiha l-pulizija jridu jmorru fiżikament ifittxu lill-persuni d-dar.

Hu qal li f’pajjiżi barranin hemm is-sistema li l-proċeduri bilfors iridu jsiru fil-preżenza tal-akkużat. Dwar il-kumpilazzjonijiet Joe Ellis qal li l-liġi ta’ iktar minn 100 sena kienet tajba iżda issa jeħtieġ li jkun hemm riformi; liema riformi jridu investiment fir-riżorsi umani biex ikunu jistgħu jitwettqu b’suċċess.

Mingħajr maġistrati u imħallfin biżżejjed ma jistgħux isiru r-riformi meħtieġa, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li ż-żamma tar-rekord b’mod elettroniku għandu jkollha l-garanzija li ma jkunx hemm abbużi minħabba s-sensittività tal-informazzjoni.