Futbol Sport

Juventus u Barcelona jgħaddu għall-fażi tal-aħħar sittax tal-UEFA Champions League

(Ritratt: EPA)

Barcelona kkonfermaw post mal-aħħar sittax wara li rebħu 4-0 kontra Dynamo Kyiv fi Grupp G. SERGINO DEST fetaħ l-iskor fit-52 minuta minn pass ta’ Martin Braithwaite, u kabbru l-vantaġġ ħames minuti wara permezz ta’ BRAITHWAITE. L-istess BRAITHWAITE skorja minn penalty fis-70 minuta, filwaqt li s-sostitut ANTOINE GRIEZMANN għalaq il-logħba bir-raba’ gowl.

Juventus kisbu post mall-aħħar sittax ukoll wara rebħa ta’ 2-1 kontra Ferencvaros bil-gowl deċiżiv wasal fit-92 minuta. Ferencvaros marru fil-vantaġġ fid-19-il minuta wara li MYRTO UZUNI rċieva mingħand Tokmac Niguen. CRISTIANO RONALDO kiseb id-dro għat-Taljani b’xutt minn barra l-kaxxa. Il-gowl tar-rebħa wasal fl-aħħar sekondi tal-partita permezz ta’ daqqa ta’ ras ta’ ALVARO MORATA.

Manchester United saħħew posthom fl-ewwel post ta’ Grupp H hekk kif rebħu 4-1 kontra Basaksehir. Manchester United fetħu l-iskor wara biss seba’ minuti wara volley mill-isbaħ ta’ BRUNO FERNANDES. L-istess FERNANDES irdoppja fid-19-il minuta wara li l-gowlkiper ma qabadx tajjeb b’Fernandes tefa’ faċilment fix-xibka. Fil-35 minuta, l-Ingliżi rebħu penalty wara li Marcus Rashford twaqqa’ fil-kaxxa, bl-istess RASHFORD inkwadra mill-11-il metru. It-Torok kisbu xi ftit tama fil-75 minuta minn gowl ta’ DENIZ TURUC, iżda United għalqu l-logħba bir-raba’ gowl fit-92 minuta ta’ DANIEL JAMES.

PSG kisbu rebħa minima ta’ 1-0 kontra Leipzig, bl-unika gowl wasal permezz ta’ penalty fil-11-il minuta fejn NEYMAR inkwadra tajjeb.

Dortmund għelbu faċilment lil Club Brugge 3-0 fi Grupp F, b’Erling Haaland ikompli juri t-talent tiegħu b’żewg gowls oħra. HAALAND fetaħ l-iskor fit-18-il minuta minn azzjoni ta’ Jadon Sancho. Ftit sekondi qabel tmiem l-ewwel taqsima, SANCHO skorja minn free kick. HAALAND għamel id-doppjetta personali fis-60 minuta.

Lazio rebħu 3-1 kontra Zenit. Lazio kisbu l-vantaġġ wara tliet minuti b’xutt mill-isbaħ minn barra l-kaxxa ta’ CIRO IMMOBILE li ġie ftit devjat. MARCO PAROLO għamilhom tnejn fit-22 minuta b’xutt ieħor minn barra l-kaxxa. Tliet minuti wara, ARTEM DZYUBA daħħal lil Zenit lura fil-logħba. IMMOBILE inkwadra minn penalty fil-55 minuta biex temm mil-partita 3-1.