Lokali

L-ewwel Maltija li ppresediet is-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew

Ritratt: PPE Delegazzjoni Maltija

L-Ewwel Viċi President tal-Parlament Ewropew li għadha kemm ġiet eletta, Roberta Metsola, kitbet l-istorja peress li saret l-ewwel ċittadina Maltija li ppresediet is-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Brussell minn meta ltaqa’ għall-ewwel darba fl-1979.

B’tislima lill-kostitwenza tagħha ta’ Malta u Għawdex, il-Viċi President Metsola tkellmet bil-Malti waqt li kienet qed tmexxi d-dibattiti dwar il-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani u l-impenn kontra l-impunità għal reati mwettqa kontra ġurnalisti.

Il-Viċi-President Metsola qalet “kien unur għalija li ppresedejt il-kamra tal-ewroparlamentari għall-ewwel darba, fin-nuqqas tal-President David Sassoli u verament ħassejt il-piż tal-mument. Tkellimt bil-Malti għax ridt nuri lin-nies kollha li qed jarawna, li tista’ tiġi minn kull rokna tal-kontinent Ewropew u li l-ġeografija mhix limitu għall-potenzjal tagħna – u nerġa’ nenfasizza li l-Parlament Ewropew huwa d-dar ta’ kull Maltija u Għawdxija. Se nibqa’ naħdem biex innaqqas id-distanza li teżisti bejn il-Parlament Ewropew u n-nies li nirrappreżentaw.

Kien sinifikanti għalija li ppresedejt għall-ewwel darba waqt dibattitu dwar il-ħtieġa tal-ġustizzja għal reati kontra l-ġurnalisti. Għad hemm wisq pressjoni fuq ġurnalisti fl-Ewropa u lil hinn minnha; għad hemm wisq ġurnalisti taħt theddida u għad hemm bżonn ta’ ġustizzja għal dawk il-ġurnalisti bħal Daphne Caruana Galizia u Jan Kuciak li ġew maqtula biex joħorġu fid-dawl il-verità.

Il-Parlament Ewropew se jkompli jiddefendi l-istampa ħielsa.”