Internazzjonali

Libja-Skozja: Sfida legali biex titneħħa l-kundanna għall-aggressur ta’ Lockerbie

L-Imħallef Ewlieni u erba’ maġistrati oħra mal-Ogħla Qorti tal-Iskozja bdew jisimgħu l-isfida legali intiża biex tannulla l-kundanna għal  Abdelbaset Mohamed al-Megrahi. Megrahi kien l-eks-aġent Libjan li, fl-2001,  kien ikkundannat il-ħabs għall-isplużjoni tal-1988 li qerdet lill-ajruplan tal-linja Pan-Am li kien għaddej minfuq Lockerbie waqt li fi triqtu lejn l-Istati Uniti. Fl-isplużjoni kienu mietu 270 fuq l-ajruplan u fl-inħawi tal-belt Skoċċiża.

Megrahi miet snin ilu bil-kanċer wara li kien illiberat mill-ħabs u mibgħut lura pajjiżu għal raġunijiet umanitarji. Intant, l-Imħallef Ewlieni Colin Sutherland u l-kollegi tiegħu se jisimgħu l-każ imressaq mill-qraba ta’ Megrahi permezz ta’ video-link.

Dan waqt li r-rappreżentanti legali għall-familja ta’ Megrahi qed jipparteċipaw fil-proċess minn Glasgow permezz ta’ ‘proċedura virtwali’. Il-każ għandu jdum għaddej sa massimu ta’ erbat ijiem u l-verdett mistenni jingħata ‘il quddiem f’data li ma kenitx ikkonfermata.

Aamer Anwar, l-avukat għall-familja ta’ al-Megrahi, fisser il-kundanna tal-eks-aġent sigriet Libjan bħala ‘l-agħar inġustizzja li qatt saret fir-Renju Unit minn aspett legali’. Dan meta Abdelbaset Mohamed al-Megrahi kien l-uniku wieħed li qatt weħel il-ħabs b’konnessjoni mal-qerda tal-ajruplan Pan-Am.

Fl-2001, tliet imħallfin Skoċċiżi li kienu qed imexxu qorti speċjali fl-Olanda kkundannaw lil Megrahi biex jiskonta sentenza ta’ ħabs għal għomru – bir-rakkmandazzjoni li hu ma jinħelisx qabel 27 sena ta’ priġunerija.

Intant, iċ-ċirkustanzi, wara, ippermettew biex Megrahi jinħeles fl-2009 wara li nstab li kellu kanċer terminali u bl-eks priġunier jispiċċa jmut tliet snin wara fi Tripli.