Lokali Qorti

Ma jeskludix li Keith Schembri qallu jċempel lil Melvin Theuma

“Ma niftakarx” – Huma dawn iż-żewġ kelmiet li rrepeta diversidrabi fil-Qorti taħt ġurament, Sandro Craus; Sindku Laburista u persuna b’kariga għolja f’Kastilja taħt il-Gvern Laburista.

Sandro Craus kien qed jixhed fl-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Takkumpanjah, l-Avukat tiegħu, Ramona Attard ukoll eks uffiċjal f’Kastilja kif ukoll eks ġurnalista tal-istazzjon Laburista… illum, apparti avukat, President tal-Partit Laburista.

Craus kien mistqosi jekk Keith Schembri qatt qallu biex iċempel lill-middleman Melvin Theuma.. Bi Craus jgħid li ma jiftakarx, filwaqt li saħaq li jekk ic-Chief of Staff jgħidlek tagħmel xi ħaġa trid tagħmilha.

L-imħallef Abigail Lofaro stqarret li taħt ġurament, Melvin Theuma kien qal li irċieva telefonata mingħand Craus. L-uffiċjal ta’ Kastilja wieġeb li ma jafx għax iċempel lil ħafna persuni. Mistoqsi biex jgħażel jiċħadx jew le, Craus qal li ma jiftakarx.

Mistoqsi dwar il-job fantażma li ingħata Melvin Theuma mal-Gvern…Craus jgħid li lil Thuema ma kinx jafu filwaqt li saħaq li l-middleman kien wieħed mill-ħafna li kienu jmorru Kastilja għal xi job.

Meta kien mistoqsi mill-avukat Jason Azzopardi jekk jiftakarx li għamel like fuq post ta’ Neville Gafa li kienet tgħid “Min qed jaħbi l-laptop ta’ Caruana Galizia?”.. Carus wieġeb “Ma nahsibx li għandi nirrispondi”. Bil-Bord tal-inkjesta jisħaq li se jieħu t-tweġiba ta’ li hi.

Mistoqsi dwar  il-kampanja “Where is the laptop? Craus qal li ma jiftakarx. Kien hawnhekk fejn kien mistoqsi mill-bord tal-Inkjesta kemm għandu żmien. Bi Craus jgħid li għandu 50 u l-Bord jistaqsi kif ta’ 50 sena qed jinsa daqsekk dettalji.

Mistoqsi dwar posts fil-konfront ta’ Caruana Galizia, Sandro Craus qal li jiddispjaċih u li kien neħħihom wara xi jiem.

Tul ix-xhieda tiegħu Craus saħaq li il-blog ta’ Glenn Bedinfield u l-posts fuq Facebook ta’ Neville Gafa qatt ma nterressawh. Mistqosi dwar il-Panama Papers li kixfet Caruana Galizia, ix-xhud spicca jammetti li kien ddiskutijhom mal-istaff tiegħu.