Lokali

Numru ta’ raids u arresti marbuta ma’ kutrabandu taż-żejt

Mhux esklużi aktar arresti fis-sigħat li ġejjin

Eks plejers tal-futbol, avukati u accountants ġew arrestati fl-aħħar sigħat b’rabta ma’ investigazzjoni diffiċli immens li ilha għaddejja numru ta’ xhur, marbuta ma’ kutrabandu fix-xiri u l-bejgħ taż-żejt u l-fuels.

Net News kellu informazzjoni li fost dawk miżmume mill-Pulizija kien hemm l-eks difensur internazzjonali Darren Debono – aħbar li kienet konfermata ftit tal-ħin ilu mit-Times. L-istess ġurnal qed jirrapporta li apparti Debono, ġie miżmum ukoll l-eks plejer Jeffrey Chetcuti.

Jidher li b’kollox il-Pulizija arrestaw għaxar persuni. U fosthom jidher li hemm ukoll l-avukat Arthur Azzopardi; għalkemm dan ma ġiex konfermat b’mod indipendenti. Qed jingħad li anke l-accountant Chris Baldacchino ġie arrestat fir-raids li saru bejn ilbieraħ u llum.

F’Ottubru, il-kumpanija ta’ Baldacchino kienet ġiet immultata mas-€60,000 wara investigazzjoni tal-FIAU b’rabta ma’ allegat ċirku kriminali ta’ kutrabandu li allegatamenti ilaħħaq it-€30 miljun.

Intant, diversi sorsi li tkellmu ma’ Net News qalulna li l-Pulizija mhix teskludi li jsiru aktar arresti fis-sigħat li ġejjin.