Sport Sport Ieħor

OKMalta.com ikkonfermati rebbieħa tal-ewwel diviżjoni tal-Bowling

Il-Mapfre MSV Life l-ewwel diviżjoni tal-Bowling ġiet fi tmiema b’OkMalta.com ħarġu rebbieħa wara battalja kontinwa ġimgħa wara ġimgħa ma’ Team Total, li kienet tfisser ukoll tliet titli konsekuttivi għal dan it-tim li fih insibu lil Mauro Anastasi, Dennis Mercieca. Kenneth Arpa, Rankin Camilleri, u ż-żagħżugħ Nicholas Muscat. Muscat għandu biss 15-il sena u spiċċa bl-ogħla medja tal-kampjonat, dik ta’ 218.

OkMalta.com temmew l-impenji tagħhom b’rebħa faċli ta’ 6-2 kontra BOV, filwaqt li Team Total rebaħ ukoll 6-2 kontra Blitzkrieg li ġew relegati. Team Total, li fih jilgħabu iċ-champion Nazzjonali Sue Abela u ċ-champions ta’ taħt it-23 sena Matthew Magro u Sara Xuereb, kellhom bżonn jirreġistraw lil Chris Fenech ta’ 14-il sena bħala sub għall-aħħar ġurnata. Fenech, li se jingħaqad mat-tim XS fl-2021, ma ddiżappuntax u lagħab medja ta’ 201 biex spiċċa bħala l-aqwa plejer tagħhom għal din l-aħħar ġurnata. Xuereb ta’ 19-il sena spiccat l-istagun b’medja ta’ 205, biex waqfet lil Abela li kienet rebħet dan l-unur għal 13-il staġun konsekuttiv.

Turu’s Knights spiċċaw fit-3 post, b’rebħa oħra ta’ 6-2 kontra XS, b’Mark Spiteri (Turu’s) jilgħab l-unika serje ta’ 700+ (726) tal-ġurnata. Powerfruit, li kellhom lil Cynthia Frendo Duca (serje 686) u Kayden Lagana ta’ 13-il sena (bl-aħjar logħba personali tkun ta’ 267), għelbu lil Royal Shock biex spiċċaw fir-4 post. L-aħħar partita marret għand Supersonic 6-2 kontra t-tim l-ieħor relegat, Strike Me Jabaal.

L-ogħla logħba u serje scratch tal-irġiel tal-istaġun marru għal Paul Gray u Philip Gruppetta rispettivament, filwaqt li Tiziana Carannante rebħet it-tnejn li huma fil-kategorija tan-nisa.

Kelma kbira ta’ ringrazzjament lil Mapfre MSV Life għall-appoġġ tagħhom, kif ukoll lil Eden Super Bowl li assigura li l-miżuri kollha tas-saħħa ġew segwiti b’mod strett biex jippermettulna nkunu nistgħu nilgħabu f’ambjent sigur.

Klassifika Finali: OkMalta.com 125, TOTAL 109, Turu’s Knights 103, POWERFRUIT 86, XS 75, Bank of Valletta 60, SuperSonic 58, Royal Shock 54, Strike Me Jabaal 32, Blitzkrieg 16.

Minkejja li l-kampjonat intemm, se ssir il-Platinum Cup bil-fażi tal-kwalifijazzjoni nhar is-Sibt u l-Ħadd li ġej bejn id-9.30am u l-11.30am, bil-finali ssir l-għada t-Tnejn 30 ta’ Novembru fit-8pm.