Lokali

“Robert Abela weġġagħni” – Silvio Parnis

Il-ġurnata tat-Tlieta bdiet bl-ewwel laqgħa tal-ikbar Kabinett fl-istorja ta’ pajjiżna – 27 Ministru u Segretarju Parlamentari dehru diħlin Kastilja għal din il-laqgħa. Minn 27 membru fil-Kabinett tal-Gvern Laburista, 20 minnhom għandhom paga ta’ Ministru – rekord ta’ kull żmien. Il-Gvern ħabbar il-Kabinett tiegħu s-Sibt li għadda permezz ta’ stqarrija. F’din l-istqarrija l-kelma ‘żgħażagħ’ ma’ tidher imkien.

Għall-ewwel darba taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela, f’din il-laqgħa, Silvio Parnis ma kienx preżenti wara li kompletament twarrab mill-Prim Ministru. F’kummenti li ta lill-ġurnal Illum u l-gazzetta l-Orizzont, Silvio Parnis ma ddejjaq xejn juri kemm hu ddiżżapuntat li Robert Abela warrbu. Hu saħaq li jinsab imwegga’, u se jkollu jieqaf mill-politka, mhux għax ried hu.

Robert Abela ilu Prim Ministru inqas minn sena u dan huwa t-tieni Kabinett li ħoloq. Reshuffle fi żmien 10 xhur, mejqusa minn ħafna bħala ċertifikat ta’ falliment għall-ewwel għażla tal-Prim Ministru. Ċertifikat li Robert Abela qed jagħti lilu nnifsu.

Persuna li inbidlilha l-irwol tagħha fil-Kabinett hi Julia Farrugia. Tneħħiet minn Ministru għat-Turiżmu u nħolqilha dekasteru ġdid biex xorta baqgħet Ministru. Ħadd ma jaf jekk din id-deċiżjoni tal-Prim Ministru waslitx sforz il-falliment tal-famużi ‘mechanisms’ li ħabbret fis-Sajf.

Dan ir-reshuffle wasal wara li Robert Abela għażel li jdaħħal fil-Grupp Parlamentri u sussegwentament fil-Kabinett lil eks Chief of Staff tiegħu Clyde Caruana u lill-eks MEP Miriam Dalli.

Intant, persuna li reġgħet sabet ruħha fil-Kabinett hi Justyne Caruana. Hi kienet irriżenjat mill-ewwel Kabinett ta’ Robert Abela f’Jannar li għadda meta ħarġu aħbarijiet dwar ir-raġel tagħha, l-eks Aġent Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta li kien ġie żvelat illi siefer ma’ Yorgen Fenech, l-allegat kompliċi fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.