Internazzjonali

Stati Uniti: Donald Trump jaċċetta t-tranżizzjoni lejn l-era ta’ Biden…iżda ma jammettix it-telfa

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, aċċetta li għandha tibda t-tranżizzjoni formali biex il-President Amerikan elett, Joe Biden, jieħu t-tmun tal-pajjiż mill-20 ta’ Jannar u wara ‘is-sinjali kollha’ li Biden rebaħ l-elezzjoni ta’ dan ix-xahar għall-Presidenza.

Donald Trump  qal li l-aġenzija federali li qed tieħu ħsieb ‘il-handover’ tal-poter ‘għandha tagħmel dak li hemm bżonn li jsir’. Madankollu, Trump għamilha ċara wkoll li se jibqa jikkuntesta r-riżultat tal-elezzjoni u li bl-ebda mod mhu qed jammetti għat-telfa b’mod uffiċjali.

Fl-istess ħin, il-General Services Administration (GSA) tal-Istati Uniti qalet li qed tirrikonoxxi lil Joe Biden bħala ‘ir-rebbieħ’ u meta tonqos biss il-konferma tar-rebħa ‘minn kwalunkwe aspett’.

Fl-aħħar sigħat, ir-rebħa għal Biden fil-vot ta’ Michigan kien ukoll ikkonfermat b’mod uffiċjali, b’dan jitqies bħala daqqa ta’ ħarta oħra serja għal Donald Trump.

Jerġa aktar sinifikanti – u skont il-kummenti tal-GSA – il-President-elett tal-Istati Uniti issa se jkollu aċċess għal-laqgħat tal-uffiċjali ewlenin dwar is-sigurtà minbarra li jista’ jippjana t-triq ‘il quddiem (fuq livell ta’ Stat) flimkien mal-uffiċjali tal-Gvern.

Dan meta Biden, issa, jidher li avvanza pass ieħor importanti fl-impenn biex jieħu r-riedni tal-Istati Uniti wara l-aktar elezzjoni kontroversjali (fl-Istati Uniti) għal għexieren ta’ snin.

Joe Biden, issa, qed iħejji biex iħabbar lill-uffiċjali li jrid li jaqdu l-aktar rwoli importanti fil-Kabinett tiegħu. Fl-istess ħin, hu laqa’ b’sodisfazzjon il-bidu tal-proċess tat-tranżizzjoni ‘fejn it-tim ġdid tat-tmexxija jista’ jibda jikkonfronta l-isfidi tal-Istati Uniti’. Joe Biden qed jagħti priorità lill-kampanja kontra l-pandemija tal-coronavirus u lill-impenji biex isaħħu lill-ekonomija lokali.

L-aħħar rapporti qalu li Biden se jafda ammont sinifikanti ta’ responsabbiltà lil xi kollegi antiki mis-snin meta hu kien jifforma parti mill-eks-amministrazzjoni ‘Demokratika’ taħt it-tmexxija tal-eks President Amerikan, Barack Obama.

L-indikazzjonijiet huma li Biden se jaħtar lil Anthony Blinken bħala Segretarju tal-Istat Amerikan u lil John Kerry bħala r-Rappreżentant tal-Istati Uniti għall-Inizjattivi favur il-Klima. Dan waqt li Janet Yellen hi l-favorita li ssir l-ewwel mara fir-rwol ta’ Segretarju tat-Teżor tal-Istati Uniti.

Intant, Donald Trump għadu qed jirrepeti l-akkużi mhumiex issostanzjati dwar il-korrozzjoni waqt il-proċess elettorali – u fejn enfasizza li ‘il-ġlieda tiegħu qed tkompli’.

Hu minnu, iżda, li Joe Biden f’Jannar, għandu jingħata l-ġurament bħala s-46 President tal-Istati Uniti – irrispettivament milli jekk Trump jammettix it-telfa elettorali jew le.