Futbol Sport

Udjenza kbira ssegwi l-intervista sħiħa ta’ Devis Mangia ma’ Replay fuq Facebook

Nhar il-Ħadd li għadda, il-programm popolari dwar il-futbol Malti fuq Net Television, Replay wassal intervista esklussiva mal-kowċ nazzjonali Malti, Devis Mangia. Din l-intervista, b’mistoqsijiet diretti u interessanti, tmexxiet mill-Kap ta’ Net Sports u presentatur tal-programmi Replay, Christian Micallef u saret f’ambjentazzjoni mhux tas-soltu, fid-dressing room mill-isbaħ tat-tim nazzjonali Malti f’Ta’Qali.

Mingħajr dubju, sal-lum din kienet l-aktar intervista ta’ Mangia bħala kowċ ta’ Malta, li fiha tat l-opportunità lill-istess kowċ Taljan, jispjega l-viżjoni tiegħu u jidħol fil-fond tal-proġett tiegħu mal-MFA. Permezz tal-istil tiegħu, fil-mod ta’ kif jistaqsi l-mistoqsijiet f’intervisti ta’ dan it-tip, Micallef staqsa lil Mangia biex jgħidlu x’kienu dawk id-dubji li hu kellu fil-bidu nett ta’ dan l-impjieg tiegħu mal-MFA u li llum tawħ risposta bl-oppost ta’ kif kien qed jaħsibha kif ukoll sabiex jispjega fil-prattika u b’sempliċitá li jifhmu kulħadd, l-istil filosofiku u tattiku li hu qed jimplimenta fil-ħidma tiegħu bħala kowċ nazzjonali, mhux biss mat-tim tal-kbar iżda mat-timijiet kollha nazzjonali fil-kategoriji kollha, inkluż fit-tim nazzjonali tan-nisa.

Quddiem il-cameras ta’ Replay, Mangia tkellem għall-ewwel darba dwar it-tim tekniku tiegħu, li hu kompost minn xejn inqas minn għaxar persuni tekniċi Taljani, li kollha kemm huma ġew impjegati mill-MFA bħala parti mill-proġett ħolistiku ta’ Mangia f’Ta’Qali. Bosta minn dawn l-individwi huma persuni b’CV kalċistiku mill-aktar interessanti, bħal fil-każ taż-żewġ assistant kowċis tiegħu, Davide Mazzotta u Guillermo Giacomazzi.

Mangia tkellem ukoll dwar ir-relazzjoni kbira li għandu mal-eks kowċ nazzjonali Taljan, Arrigo Sacchi kif ukoll dwar temi partikolari u li jolqtu direttament lill-klabbs lokali, bħal fil-każ tan-numru ta’ timijiet ta’ klabbs fil-Kampjonat Premier u dwar l-ammont ta’ plejers barranin fl-ogħla diviżjoni ta’ pajjiżna. F’din l-intervista, Mangia stqarr għall-ewwel darba li hu favur Kampjonat Premier b’għaxar timijiet u jixtieq jara restrizzjonijiet fl-ammont ta’ plejers barranin li jilgħabu fil-Kampjonat Premier.

L-ewwel verżjoni ta’ din l-intervista xxandret il-Ħadd, u kienet verżjoni qasira ta’ madwar 35 minuta. L-intervista kienet segwita minn ħafna fuq it-televiżjoni u kien għalhekk li l-għada t-Tnejn, Replay xxandar edizzjoni Premiere tal-intervista kollha, b’tul ta’ siegħa fuq il-paġna tal-programm fuq Facebook. Fl-ewwel xandira, permezz ta’ statistika uffiċjali li jipprovdi Facebook, din l-intervista kellha aktar minn 2,500 views. Sintendi, wara l-ewwel xandira, il-filmat kollu tal-intervista baqa’ fuq il-paġna ta’ Facebook, u sal-lum, it-Tlieta fil-5pm, l-intervista diġa’ ssuperat l-ammont ta’ 4,500 views. F’termini ta’ programmi sportivi lokali u meta mqabbel ma’ statistika li kulħadd jista’ jaċċessa faċilment permezz ta’ Facebook, mal-programmi l-oħra sportivi, inkluż dawk tal-futbol f’pajjiżna, dawn in-numru huma konferma ċara li l-programmi Replay li jixxandru fuq Net Television huma l-aktar popolari u bl-akbar udjenza fuq il-midja soċjali. In-numri li jipprovdi Facebook huma fattwali, għal kontra ta’ surveys oħra li jsiru f’pajjiżna bit-telephone.

Sabiex isegwi din l-intervista u risposti għal ħafna mit-temi li semmejna aktar qabel f’dan l-istess artiklu, agħfas hawn.