Futbol Sport

Valletta b’disa’ plejers jiksbu dro kontra Sirens

(Ritratt: Domenic Aquilina - MFA)

VALLETTA……..1

SIRENS.…………1

Valletta: H. Bonello (c), T. Caruana, S. Malano, M. Piciollo (R. Fenech 61’), S. Dimech (K. Nwoko 60′), E. Pena, J. Zerafa, E. Sala, M. Alba (J. Caruana 82′), M. Jovanovic, M. Fontanella ( R. Tonna 90′)

Sirens: M. Montfort, J. Pearson (A. Borg 67′), R. Grech (c), R. Dos Anjos, M. Mifsud (S. Maxuell 76′), W. Domoraud, J. Walker, S. Tounkara, T. Agius (M. Romarinho 85′), M. Bustos, T. Espindola

Skorjaw: J. Caruana (V) 84’, W. Domoraud (S) 96′

Imwissija: S. Malano (V) 23’, E. Sala (V) 45’

Tkeċċija: M. Jovanovic (V) 70′, E. Sala (V) 80’

Referee: I. Barbara

Assistenti Referees: R. Vella, D. Sultana

F’partita mimlija azzjonijiet, Valletta kisbu dro ta’ 1-1 kontra Sirens fis-Centenary Stadium minkejja li spiċċaw jilgħabu b’disa’ plejers wara li sfaw vittmi ta’ żewġ karti ħomor, filwaqt li Sirens skorjaw il-gowl tad-dro fis-96 minuta.

Wara ħames minuti biss, Valletta marru viċin li jiftħu l-iskor meta korner ta’ Miguel Alba sab lil Jacob Walker ta’ Sirens li kien se jitfa bir-ras fix-xibka tiegħu stess iżda reazzjoni immedjata ta’ Manuel Bustos tajjar minn fuq il-linja.

Fl-24 minuta, opportunità oħra għall-Beltin minn free kick dirett ta’ Alba bil-gowlkiper itajjar barra l-kaxxa.

Żewg minuti wara, Valletta laqtu l-lasta. Kien korner ta’ Alba li sab lil Mihailo Jovanovic li b’daqqa ta’ ras ra l-ballun jaħbat mal-minduda u marr barra.

Kompla d-dominju ta’ Valletta fl-ewwel taqsima fejn fl-aħħar ċans għal gowl, daqqa ta’ ras ta’ Santiago Malano wara li rċieva korner minn Alba kienet milqugħa mill-gowlkiper b’Thiago Espindola tajjar barra.

L-ewwel opportunità ta’ Sirens waslet fit-tieni taqsima fil-51 minuta wara li Samba Tounkara qabadhom f’kontra attakk b’Henry Bonello ħareġ barra l-kaxxa u safa’ megħlun bil-ġiri mill-istess Tounkara, fejn tefa’ kross fil-kaxxa iżda Michael Mifsud dam biex jitfa’ fix-xibka u tilef il-ballun minkejja li l-gowlkiper kien għadu mhux lura bejn il-lasti.

Fis-70 minuta, Valletta spiċċaw b’għaxar plejers wara li Jovanovic għamel daħla kerha fuq Samba Tounkara u ntwera l-karta ħamra diretta.

Fit-78 minuta, Valletta sfaw vittma ta’ tkeċċija oħra wara li Eslit Sala ffowlja lil Maxuell Maia Da Silva u ntwera t-tieni karta safra, b’Valletta spiċċaw jilgħabu b’disa’ plejers.

Ftit wara, Sirens kellhom opportunità tad-deheb għal gowl wara li Da Silva tefa’ pass fil-kaxxa lejn Wilfred Domoraud iżda minn pożizzjoni ideali tefa’ f’idejn il-gowlkiper.

Fl-84 minuta wasal il-gowl ta’ Valletta. Kien kross ta’ Triston Caruana li sab lil JONATHAN CARUANA li żmarka ruħu mid-difiża u bir-ras għeleb lil Montfort.

Sitt minuti fil-ħin miżjud, u Sirens ġabu d-dro. Da Silva tefa’ kross lejn DOMORAUD li b’xutt fil-baxx temm il-logħba f’parita.