Lokali

Abela jagħmel u-turn dwar il-ġurnata żejda leave

Il-Prim Ministru Robert Abela kellu jirtira wegħda tal-Gvern tiegħu stess …u issa ammetta li mhux se tiżdied ġurnata oħra ta’ leave għas-sena d-dieħla.

Li kieku ma kienx NET News li żvela li l-ġurnata leave mhux se tiżdied, Robert Abela kien se jibqa’ jipprova jqarraq bil-ħaddiema u jgħid li se jżid ġurnata oħra ta’ leave għall-festi li jinzertaw fi tmiem il-ġimgħa.

Mistoqsi minn dan l-istazzjon ftit tal-jiem ilu, Abela kien qal li l-ġurnata se tingħata għax il-wegħdiet tal-Budget jinżammu. Iżda ffaċċjat mill-ġdid kif dan jista’ jkun, meta d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali qed jinsisti li fl-2021 mhux se tiżdied ġurnata oħra mil-leave, issa kellu jirtira l-wegħda.

Taħt pressjoni, Abela issa qal li mhux minnu li fil-Budget tħabbret iż-żieda fil-leave, iżda anke hawn, mhux jgħid il-verità.

Skomdi bil-u-turn tal-Prim Ministru, tliet ħaddiema ta’ Kastilja ippruvaw iwaqqfuna milli nistaqsu u bdew jinterrompu kontinwament. Dan minkejja li Abela beda jgħid li lest iwieġeb il-mistoqsijiet kollha li nistaqsuh.