Lokali Qorti

Arnaud jgħid li l-Europol għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

"Il-Europol għadha involuta"

Is-Supretendent Keith Arnaud ikkonferma fil-Qorti li l-investigazzjonijiet dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia bil-Europol għadha tagħmel ix-xogħol tagħha f’dan il-każ. Huwa qal li fil-jiem li ġejjin huma mistennija wkoll ikunu Malta biex jippreżentaw data mportanti.

Arnaud li qed jixhed fl-inkjesta li qed issir fuq l-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia f’Ottubru tal-2017 qal li huwa ilu jokkupa r-rwol ta’ Supretendent mit-2 ta’ Ottubru li għadda wara li ġie promoss minn grad ta’ Spettur tal-Pulizija.

Fil-bidu tas-seduta l-Bord ta’ Inkjesta presduta mill-eks Imħallef Michael Mallia flimkien mal-Prim Imħallef Emeritus Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro infurmat lil Arnaud li jekk hemm xi punti li jixtieq jgħidhom bil-magħluq, għandu l-fakultà li jagħmel dan.

Ix-xhud qal li hekk kien se jagħmel u għaldaqstant parti mix-xhieda se tingħata bil-magħluq. Fil-fatt ix-xhieda ta’ Arnaud damet biss 10 minuti u wara l-ġurnalisti ntalbu joħorġu mill-awla biex Arnaud ikompli bix-xhieda tiegħu.

Huwa qal li l-investigazzjoni fuq il-qtil għadha għaddejja bl-istess ritmu li kienet għaddejja bih, it-task force għadha f’postha bl-istess nies. Min-naħa tal-FCID żdiedu n-nies minħabba l-aspett finanzjarju.

Tenna li l-Europol għadha involuta. Qabel il-pandemija kienu jkunu Malta, iżda mindu faqqgħet il-pandemija, ikollhom kuntatt online biex jagħtu aġġornamenti lil xulxin. Xi uffiċjali Maltin marru jżuru lill-Europol barra minn Malta biex jgħinu lil xulxin fl-analiżi tal-informazzjoni, anke permezz tat-traduzzjoni ta’ xi messaġġi.

Kompla jgħid li d-data għadha ma ġietx analizzata kollha u li l-Pulizija qed ikellmu lil xi nies li jħossu li għandhom ikellmu vis-à-vis id-data li qed tinstab.

Saħaq li l-Europol mistennija jiġu Malta fil-jiem li ġejjin biex jippreżentaw l-apparat elevat minn Yorgen Fenech. Il-ħaddiema tal-Europol jinqasmu fi tnejn: dawk esperti tal-Qorti, u dawk li janalizzaw id-data misjuba.

Mistoqsi mill-Imħallef Abigail Lofaro meta l-Europol mistennija jlestu x-xogħol tagħhom, Arnaud qal li li d-data hija voluminuża,u għalhekk qed tieħu x-xhur. Saħaq li huwa jaħseb li jaf hemm xi ħaġa fid-data li tkun utli għall-Bord.

Il-Bord staqsa jekk hemmx leads oħrajn apparti mill-erba’ persuni li hemm arrestati. Arnaud wieġeb billi qal li l-Pulizija tara kollox – anke tħares lejn nies li qatt ma ġew arrestati.

Qal li kien għalhekk li nqasmu f’żewġ timijiet: dawk li jħarsu lejn l-aspett finanzjarju u dawk li qegħdin jaraw l-istess informazzjoni imma jħarsu lejn il-każ mil-lat ta’ omiċidju.

Kien hawn li l-ġurnalisti ntalbu joħorġu bis-seduta issa mistennija tkompli nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Novembru fid-9.30am. bix-xhieda tal-eks Ministru Konrad Mizzi.

L-għan tal-inkjesta huwa biex isir magħruf jekk l-istat setax għamel xi ħaġa biex il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ma jseħħx. Għall-familjari tal-vittma qegħdin jidhru l-Avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi.