Internazzjonali

Donald Trump ‘iwissi lill-Iran’ bil-bombers ta’ kapaċità nukleari

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, bagħat l-ajruplani militari (bombers) bil-kapaċità li jġorru tagħmir nukleari lejn il-Lvant Nofsani, bl-azzjoni qed titqies bħala ‘twissija ċara’ lill-Iran.

It-tensjoni fl-aħħar snin bejn l-Istati Uniti u l-Iran laħqet livelli mill-aktar akuti u d-deċiżjoni ta’ Trump qed titqies bħala ‘l-aħħar twissija lill-Iran biex ma jaqbiżx il-limitu’ qabel il-President Amerikan-elett, Joe Biden, jieħu t-tmun ta’ pajjiżu fl-20 ta’ Jannar li ġej.

Fl-aħħar jiem kien hemm rapporti li l-President Trump kellu jibdel il-pjani li kellu biex iwettaq attakk militari ‘kbir’ fuq l-Iran, wara li l-konsulenti tiegħu spjegawlu li attakk bħal dan jista’ ‘iqajjem gwerra totali’ fil-Lvant Nofsani.

Numru ta’ sorsi infurmati qablu li l-konsulenti ma’ Trump ‘ipperswadew’ lill-President biex ma jattakkax lis-sit nukleari ewlieni tal-Iran – bl-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ssir ftit jiem biss wara li Donald Trump kien tilef l-elezzjoni għall-Presidenza ta’ pajjiżu.

Madankollu, ħarġu wkoll rapporti li Trump qed jikkunsidra jekk jattakkax ‘xorta’ lill-Iran qabel il-konklużjoni tat-tranżizzjoni lejn il-Presidenza ġdida li se titmexxa minn Biden. Dan għaliex ir-relazzjonijiet bejn Washington u l-Iran qegħdin jidhru fl-agħar livell għal ħafna snin, fejn ma naqsitx ir-retorika aggressiva miż-żewġ naħat.

Il-US Central Command, sadanittant, ħabbret l-aħħar movimenti bil-bombers inkwistjoni — bil-kelliema jsostnu li l-ajruplani militari ‘għandhom jgħinu biex jevitaw l-aggressjoni (mill-Iran) filwaqt li jipprovdu sens ta’ sigurtà lill-alleati tal-Istati Uniti’.

Talanqas tlieta mill-ajruplani – tat-tip Stratofortress li hu  l-akbar ajruplan tal-qawwiet Amerikani – marru lejn Iżrael waqt li fi triqthom lejn bażi tal-ajru tal-Amerikani fil-Qatar. Intant din ma kenitx l-ewwel darba li numru ta’ B-52 bombers intużaw f’manuvri militari li dehru indirizzati lejn l-Iran.

L-Istati Uniti qed timplimenta strateġija li tinvolvi l-istazzjonar ta’ ajruplani militari f’zoni speċifiċi waqt perjodi ta’ tensjoni ‘sinifikanti’ fir-reġjun tal-Lvant Nofsani.

It-Tmexxija tal-Istati Uniti ma temminx li l-Iran qed jaħdem fuq il-proġetti nukleari għal skopijiet paċifiċi, b’Washington qed jaħseb li l-vera intenzjoni tal-Istat Iżlamiku tinvolvi l-iżvilupp ta’ armamenti nukleari.Fil-fatt. Trump wera ‘l-interess’ li jattakka lill-Iran wara li l-ispetturi tal-attività nukleari indikaw spinta sinifikanti tal-attività fis-sit (nukleari) ewlieni tal-Iranjani.

L-Istati Uniti qed tkompli taġġorna ruħha mas-sitwazzjoni wara li l-International Atomic Energy Agency (IAEA) sostniet li l-ħażna tal-uranju ( li jista’ jintuża fil-produzzjoni tal-armi nukleari) fl-Iran żdied bi 12-il darba aktar mill-ammont permess mill-Ftehim Storiku ( illum xolt) li l-Iranjani kienu laħqu fl-2015 mal-potenzi tad-dinja, inkluża l-Istati Uniti.