Lokali

Il-funeral ta’ Oliver Friggieri dirett fuq Net TV

Fis-2pm Net TV se jkun qed iwassal f’xandira diretta il-funeral tal-Professur Oliver Friggieri, f’ġurnata immarkata bħala jum ta’ luttu f’pajjiżna fejn il-bnadar fuq il-binjiet pubbliċi qed jittajru mezz’asta.

Il-quddiesa tal-funeral se ssir fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta u se tkun ikkonċelebrata mill-Arċisqof Charles Scicluna.

Il-Korteo funebri se jitlaq mill-Isptar Mater Dei fis-12.45 p.m. lejn l-Università ta’ Malta fejn il-Professur Friggieri għadda għexieren ta’ snin minn ħajtu jeduka lill-istudenti tiegħu bħala lettur fid-Dipartiment tal-Malti kif ukoll serva bħala Kap tad-Dipartiment u Professur tal-Letteratura.

Minn hemmhekk il-Korteo funebri jibqa’ sejjer għal quddiem ir-residenza privata tiegħu fi Fleur-de-Lys, u għal quddiem il-Knisja Arċipretali ta’ San Publiju fil-Floriana, raħal twelid Oliver Friggieri. Wara, il-Korteo funebri jipproċedi lejn il-Konkatidral ta’ San Ġwann.

Fi tmiem il-quddiesa, il-funeral ikompli f’forma strettament privata.