Internazzjonali

Il-Ġermanja: Inċident f’Berlin u messaġġ kontra ‘il-globalizzazzjoni’

Il-Pulizija, qed jinvestigaw inċident fil-qalba ta’ Berlin wara li persuna jew persuni saqu karozza direttament għal-ġol bibien tal-Kanċellerija Federali. Ma weġġa ħadd fl-inċident li l-kaġun tiegħu baqa’ mhux spjegat b’ mod konkret.

Intant, il-karozza nkwistjoni nstabet b’messaġġi mal-ġnub li kienu nkitbu biż-żebgħa bajda. Messaġġ minnhom sejjaħ għat-tmiem tal-‘politika tal-globalizzazzjoni’ u l-messaġġ l-ieħor irrefera ‘għall-qattiela tat-tfal u l-anzjani’.

Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, fil-preżent qed ikollha t-taħditiet mal-mexxejja reġjonali tal-pajjiż dwar l-estensjoni tal-miżuri kontra l-Covid-19.

Dan meta l-istat tal-lockdown – li mhux qed ikun implimentat b’mod daqstant rigoruż fil-Ġermanja – mistenni jkun estiż sal-20 ta’ Diċembru.

Intant, Merkel kellha tiddiskuti abbozz ta’ proposta – li qablu dwarha s-sittax il-Prim Ministri tal-Istati Ġermaniżi – biex jibqgħu magħluqin ir-ristoranti u l-lukandi. Hu wkoll propost biex il-laqgħat privati jkunu limitat għal ħames persuni biss ( li ma jinkludux it-tfal taħt l-14-il sena).

Intant, f’dan il-pajjiż, se jkun hemm eżenzjoni speċjali għall-Milied (mit-23 ta’ Diċembru sal-1 ta’ Jannar) li tippermetti għal-laqgħat ta’ għaxra bħala massimu.