Studju li sar minn PwC Malta’s Middle Market Barometer juri li aktar minn nofs in-negozji, l-aktar dawk fis-settur tar-ristoranti qed jikkunsidraw li jagħtu s-sensja lil numru ta’ impjegati fix-xhur li ġejjien. Fost ir-raġunijiet ewlenin għal dan hemm it-terminazzjoni tal-iskemi ta’ għajnuna lin-negozji mill-Gvern fl-aħħar ta’ Marzu kif ukoll l-estensjoni tal-Avviż Legali li l-barijiet għandhom jibqgħu magħluqin tul Diċembru.
F’mument fejn hawn stennija sabiex jibda jingħata l-vaċċin u l-ħajja tibda bil-mod tirritorna għan-normalità hemm sinjali inkoraġġanti li sas-sajf li ġej l-ekonomija tibda tirkupra.
Għaldaqstant il-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-Gvern sabiex b’mod immedjat jestendi l-iskemi kollha inkluż il-wage supplement sal-aħħar ta’ Ġunju li ġej sabiex jagħti serħan il-moħħ lill-imprendituri u l-ħaddiema u jkunu salvati l-impjiegi li altrimenti jintilfu.
Fi stqarrija ffirmata minn Hermann Schiavone, Kelliem għall-Industrija tal-Catering u d-Divertiment, Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika, Kristy Debono, Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Investiment Ekonomiku u Negozji Żgħar, s-Servizzi Finanzjarji u l-Aċċessibbiltà għall-Fondi u Budget Ewropej u Edwin Vassallo, Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Tisħiħ tal-Agrikoltura u s-Sajd, Delizzji, Self Employed u l-Koperattivi, il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Gvern għandu minnufih iħabbar ukoll dettalji tal-iskema tal-vouchers li ħabbar fil-budget sabiex itaffi ftit mill-inċertezza li qed inħabbtu wiċċhom magħhom is-sidien tal-ħwienet.
//= $special ?>