Ambjent Kunsilli Lokali Lokali

Il-Kunsill tal-Iklin jitlob verifika fuq il-kwalità tal-arja fil-lokalità

'Sħab' fuq l-Iklin minn impjant tat-tarmac

Il-Kunsill Lokali tal-Iklin qieghed jircievi diversi lmenti minghand ir-residenti taz-zona, rigward irwejjaħ qawwija u insopportabbli ta’ asphalt jew tarmac.

Wara li Netnews.com.mt irrapporta dwar dan aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Kunsill kompla jirċievi lmenti dwar irwejjaħ “bhal donnu tyres li qeghdin jinharqu”.

Il-Kunsill qal li saħansitra kien hemm residenti li rraportaw dħaħen viżibbli fuq ir-residenzi tagħhomu immedjatament talab lil l-awtoritajiet konċernati – partikolarment l-ERA u l-Uffiċju tas-Sanità – sabiex jinvestigaw u jaċċertaw ruħhom illi mhemmx periklu għas-saħħa pubblika.

Il-Kunsill Lokali Iklin saħaq li ghandhom jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji mill-awtoritajiet kollha kompetenti sabiex jiġi aċċertat li ma hemm ebda periklu għas-saħħa tal-individwu u li l-arja taz-zona ma fiha ebda kimika jew sustanza li tipperikola liċ-ċittadini.

Ir-residenti tal-Iklin jinsabu inħassbin ħafna u imdejqa li qed ikollhom jissaportu dawn l-irwejjaħ mingħajr ċertezza illi mhux qed issir ħsara lil saħithom. Ir-residenti għandhom id-dritt illi jkollhom serħan il-moħ illi huma qegħdin jgħixu f’ambjent sigur, qal il-Kunsill.

Din is-sitwazzjoni turi b’mod ċar l-importanza illi jkun hemm monitoraġġ kostanti u effikaċi fuq is-siti industrijali, speċjalment dawk li jinsabu vicin l-abitat u li qabel jingħataw permessi ta’ tip industrijali mill-Awtoritajiet, isir assessjar serju tal-impatt fuq l-ambjent urban tal-madwar. Il-Kunsill spjega li siti industrijali viċin wisq tal-abitat joħolqu problemi għas-saħħa tal-individwu kif ukoll inkonvenjenti serji oħra bħal ħsejjes u passaġ ta’ makkinarju goff minn zoni purament residenzjali.

Il-Kunsill Lokali qal li huwa fid-dmir illi jkompli jinsisti sabiex isiru testijiet dwar il-kwalita tal-arja taz-zona u jiġi ċertifikat illi verament ma hemm ebda periklu għas-saħħa pubblika. Ma għandu jkun hemm edba dubju illi saħħet il-bniedem għandha tiġi l-ewwel u qabel kollox u għandna nassiguraw bħala pajjiż illi jinżammu DEJJEM U F’KULL ISTANZA l-istandards għoljin tas-saħħa u s-sigurta. Il-Kunsill Lokali jħoss illi dan huwa prinċipju li fuqu ma jista’ jsir ebda kompromess.

Ikkummenta