Lokali Qorti

Il-Qorti tordna id-difna ta’ Antoine Dalli li nqatel Ħal Għaxaq

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia ordnat li Antoine Dalli li allegarament inqatel minn missieru Antoine Dalli jindifen u dan aktar minn tliet xhur wara li miet wara sparatura b’senter.

Dan ħareġ meta fil-Qorti kompliet il-kumpilazzjoni ta’ Salvu Dalli li jinsab mixli li spara lil ibnu ta’ 37 sena, kiesaħ u biered fis-7 ta’ Awwissu li għadda fid-dar tiegħu f’Ħal Għaxaq. Antoine kien instab mejjet fid-doċċa wara li ntlaqat minn tir wieħed.

Sadanittant Mario Scerri, fuq talba tal-Avukat Lennox Vella li qed jidher għall-akkużat qal li Salvu Dalli għandu għajnejh mhux daqstant tajbin u li ma jistax joqgħod sew fuq saqajh.

Scerri qal ukoll li l-vittma miet bi sparatura fatali fejn żokortu u li s-senter ma kienx ippuntat mal-ġisem imma minn ftit metri l-bogħod. Xehdu wkoll il-patoloġisti Ali Safraz u Tiffany Buhagiar li taw diskrezzjoni ta’ kif il-vittma tilef ħajtu fejn spiċċa f’għadira demm u li miet kważi b’mod stantanju.

Fl-awla sar ukoll battikbekk bejn l-Avukat Lennox Vella u l-Prosekuzzjoni dwar il-fatt li għadhom ma tellgħux xhieda pajżana. Qal li l-Qorti, kemm dik tal-Maġistrati kif ukoll dik Kriminali qalet li biex din tiġi kunsidrata l-ewwel iridu jixhdu x-xhieda pajżana.

L-Avukat Vella qal li l-Prosekuzzjoni qed tkaxkar saqajaha biex dan isir. Il-Qorti ordnat lill-Prosekuzzjoni biex meta jkompli l-każ fis-7 ta’ Diċembru li ġej fit-3.00 pm. jitellgħu x-xhieda pajżana.

L-Avukati Francesca Zarb u Kathleen Grima qegħdin jidhru għall-familjari tal-vittma filwaqt li s-Supretendent Keith Arnaud qed imexxi l-Prosekuzzjoni.