Bħalissa hemm diversi kumpaniji madwar id-dinja li qed jiżviluppaw vaċċin biex irażżnu l-pandemija tal-Coronavirus. Waħda minn dawn il-kumpaniji hi l-kumpanija Moderna li l-vaċċin żviluppat minnha qed juri effettivita’ ta’ madwar 95%.
U l-fundatur ta’ din il-kumpanija, hu Derrick Rossi, Professur Kanadiż ta’ nisel Malti ibbażat fl-Istati Uniti li waqqaf Moderna fl-2010. Waqt intervista fuq NET TV, il-Professur Rossi spjega li t-teknoloġija żviluppata minnu u mit-tim tiegħu bdiet 12-il sena ilu… u ftit kien qed jistenna li l-ewwel użu tagħha se tkun propju biex tkun miġġielda pandemija.
Mistoqsi dwar meta se jibda t-tilqim tal-popolazzjoni, il-Professur Rossi wieġeb li Moderna se tapplika għal awtorizzazzjoni ta’ emerġenza mal-FDA, ir-regolatur fl-Istati Uniti sa ġimgħatejn oħra. Iżda biex il-vaċċin jibda’ jitqassam madwar id-dinja hu biċċa xogħol iebsa li mistennija tieħu diversi ġimgħat.
Hu qed jistenna li l-ħaddiema fl-isptarijiet u f’oqsma tas-saħħa u persuni meqjusa vulnerabbli se jibdew jitlaqqmu lejn l-aħħar ta’ din is-sena. Bit-tilqim tal-bqija tal-popolazzjoni jibda jidħol fis-seħħ minn April ‘l quddiem.
Dan fid-dawl ta’ sfida loġistika mhux żgħira li tibda bil-produzzjoni u tkompli bid-distribuzzjoni ta’ żewġ dożi għal biljuni ta’ persuni madwar id-dinja.
//= $special ?>