Coronavirus Lokali

Il-vittmi jkomplu jiżdiedu, iżda Abela jgħid li “is-sitwazzjoni taħt kontroll”

Il-Prim Ministru Robert Abela jkompli jinsisti li s-sitwazzjoni hi taħt kontroll. U dan minkejja li f’jumejn biss tilfu ħajjithom mill-anqas tmien persuni – qraba, missirijiet, ommijiet, nanniet jew zijiet.

Fuq Facebook, qariba ta’ wieħed mill-vittmi kitbet tappella lil Abela biex ma jibqax jgħid hekk. Kitbet “Għażiż Prim Ministru, kieku s-sitwazzjoni taħt kontroll, in-nies mhux qed imutu, il-każijiet mhux qed jiżdiedu u l-isptarijiet mhux mifqugħin bil-pazjenti tal-Covid. Kieku m’hawnx familji inkwetati għall-anzjani u l-vulnerabbli tagħna. Meta tolqtok mewta fil-familja minħabba l-Covid tinduna bil-weġgħa ta’ qalb li tħoss.”

Iżda minkejja l-kritika għad-deċiżjonijiet żbaljati li ħa fil-ġimgħat u x-xhur li għaddew – u li wasslu għal splużjoni fin-numru ta’ każi pożittivi u ta’ vittmi – Robert Abela jibqa’ jinsisti li meta wieħed janalizza kollox ma’ kollox, “imxejna b’mod tajjeb ħafna”.

Sadanittant, bil-Festi tal-Milied jinsabu wara l-bieb, il-Prim Ministru ħabbar li l-bars u l-każini se jibqgħu magħluqin, filwaqt li l-istabbilimenti bil-permess ta’ snack bar se jibqgħu ma jistgħux ibigħu prodotti alkoliċi.

Deċiżjoni li, skont il-Prim Ministru, hi essenzjali biex ma jkomplix jinxtered il-virus, minkejja r-restrizzjonijiet stretti li għandhom isegwu u d-diversi żjarat għall-għarrieda li qed isirulhom. F’każ li dawn ma jsegwux ir-regolamenti, hemm imposti multi qawwija.