Lokali Qorti

Jgħidu li sfaw vittmi ta’ frodi fuq xogħol ta’ manutenzjoni li qatt ma sar wara reklami fuq facebook

Raġel li fuq facebook kien jirreklama li jagħmel prattikament kull xogħol ta’ manutenzjoni u tisbih f’residenzi kien jispiċċa jieħu depożitu u x-xogħol miftiehem ma jsir qatt. Dan il-frodi allegatament seħħ fil-konfront ta’ diversi persuni jammonta għal ferm aktar minn €50,000.

David Grech qed jiġi mixli b’20 akkuża fosthom frodi, miżappropjazzjoni kif ukoll li sar reċidiv. Fuq facebook huwa kien jirreklama xogħol li jinkludu kważi dak kollu li għandu x’jaqsam mad-dar, inkluż xogħol fejn jidħol design.

Minn dak li ħareġ wara li quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras xehedu diversi allegati vittmi, jirriżulta li dawn kienu jaraw reklami fuq facebook, u f’xi każi fuq Instagram, f’isem l-akkużat u li dawn kienu jinkludu ritratti ta’ xogħol ta’ kwalità kbira fi djar anke lussużi.

Xhud minnhom qalet li wara li ngidmet mill-akkużat minn stħarriġ li hija għamlet irriżulta li x-xogħol li kien jirreklama fuqu fuq facebook, ma kienx tiegħu, imma ta’ Periti ta’ fama internazzjonali. Fost dawn kien hemm ritatti ta’ residenza lussuża f’San Paolo, il-Brażil, fejn Grech ta l-impressjoni li x-xogħol fuq din id-dat għamilha hu.

Xehed ukoll l-Ispettur Wayne Borg li nvestiga l-każ, li wieġeb għall-mistoqsijiet tal-Avukat Raisa Colombo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Huwa qal li meta l-Pulizija marret fil-garaxx ta’ Grech fi Triq il-Flotta l-Gżira, sabu diversi oġġetti lussużi, fosthom arloġġi, kartieri, nuċċalijiet, ċrieket tad-deheb, master cards, ċekkijiet u diversi u affarijiet oħra.

Borg qal li l-akkużat ikkopera mal-Pulizija u saħansitra qallu li xtaq li jirranġa l-affarijiet u jagħti lura dak li ħa lill-vitta. Tenna wkoll li anke jekk l-akkużat iħobb jgħix ħajja ta’ lussu żejjed.

Fix-xogħol huwa kien iqabbad persuni oħra fejn jidħol kisi u tqegħid ta’ madum, imma l-flus tad-depożitu kien kważi dejjem jeħodhom hu. L-Ispettur Borg qal li bil-flus li kien jieħu huwa kien ukoll jirranġa xi propjetajiet li kien jikri lil ħaddieħor.

Qal li huwa persuna li kien diffiċli biex jinstab fejn kienu ħafna li dawk li ġew iffrodati li kienu marru jagħmlu rapporti f’xi Għassa tal-Pulizija. Tenna li l-Pulizija ma tantx kienu jsibuh, kif l-istess ġara lill-vittmi li kien jinganna.

Xehdet mara li kienet impressjonata bix-xogħol “tiegħu’ li rat fuq facebook u wara li għaddietlu kważi €5,000 f’depożitu dan baqa’ ma tfaċċax u dejjem kien iġib xi skuża biex ma jmur.

Skopriet li kien iffroda lil ħaddieħor

Qalet li dejjem bl-iskużi u wara kienet hija skopriet li r-ritratti li kien itella’ ma kienux tiegħu, kif lanqas ix-xogħol ma kienx tiegħu, u minbarra li kien ta’ diversi Periti ta’ fama internazzjonali, kien hemm ukoll ritratti fuq il-paġna ta’ facebook tiegħu, fejn kellu aktar minn paġna waħda, ċertu xogħol li kien qed jirreklama kien ta’ designer Russa.

Ix-xhud qalet li mar-fir-residenza tagħha u qaltlu fuq xogħol li xtaqet li jagħmilha fil-post. Kien mar ma’ persuna li qalilha li kien sieġeb tiegħu fin-negozju. Qalet li minn fuq l-istess facebook skopriet li huwa kien ukoll iffroda lil ħaddieħor.

Qalet li fil-post kien mar mas-sieħeb tiegħu fil-business biex jaraw ix-xogħol. Qalet li fuq facebook rat ħafna ritratti u xogħol spettakolari. Semmielha isem tal-kumpanija tiegħu.

Meta kien mar biex jara bix-xogħolol qalilha li kien se jagħmilha kollox bil- finishing, iżda li kien qed jaħdem il-Birgu u se jibda x-xogħol aktar tard. Kellu jagħmilha ukoll xi soffitti, madum fil-kmamar, u li huwa iġib ukoll il-madum mit-Turkija u taha l-paġna biex tifftixhom.

Qalet li kien bagħtilha kwotazzjoni u l-kommunikazzjoni tiegħu kienet issir permemzz ta’ messenger. Qalet li miegħu miegħu kellu Bulgaru, li qalilha huwa s-sieġeb tiegħu.

Qalet li l-paġna fuq facebook tiegħu kien jisimha Custome Complete. Tenniet ukoll li darba miegħu marret tfajla li qalilha li hija l Marketing Manager tiegħu.

Fuq meta kienet iċempillu biex jiġi jagħmlilha x-xogħol kien iġib l-iskuża li ma jiflaħx. Qalet li meta qaltlu li mhux qed tisma’ affarijiet sbieh dwaru u li huwa frodist, qalulha għaliex kienet qed tagħmel hekk, Qalet li saret taf ukoll li kien moħħu biex jilbes tad-ditta u jsur karozzi Porshe.

Xehedu ukoll persuna oħra li kellu kumpanija u li ried ibiegħ vann u żewġ magni tal-juices. Dawn kuġinuh kien ħadhom għand l-akkużat f’ garaxx fil-Gżira u kien hemm ditta interessata li tixtri.

Fil-fatt kienet xtrat il-vann u waħda mill-magni tal-juices u l-flus li jammonta għal €7,200 li ħadhom David Grech wara li mar jiġborhom ix-xerrej, baqgħu għandu, u l-istess dejjem bl-iskużi biex jiltaqa’ miegħu.

Qal li l-akkużat kien jitfi l-mobajl u kien jipprova jaqbdu fuq What’sUp. Tenna li l-flus baqa’ ma ħadhom u lanqas jaf x’sar minnha magna oħra tal-juices u żewġ fridġes li kien hemm f’dan il-garaxx fil-Gżira, li huwa proġjetà tiegħu.

Ix-xhud qal ukoll li huwa ma jridx xejn min għandu, ħlief il-flus li għandu jagħtih u l-oġġetti li issa ma jafx fejn qegħdin. Xehed ukoll raġel li qal li qabdu jagħmel xi xogħol għal negozju li kien se jiftaħ. Tah ukoll depożitu, liema xogħol ma sar qatt.

Qal li kien iltaqa’ miegħu Marsaskala, iżda ma rahx aktar ipprova jfittxu hemm imma mingħajr suċċess. Bħal ħafna mill-allegati vittmi huwa mar jagħmel rapport lill-Pulizija.

Id-difiża mmexxija mill-Avukat Matthew Xuereb għamlet talba għal libertà proviżorja fil-konfront tal-akkużat, fuq il-fatt li ħafna mix-xhieda issa xehedu u ma hemmx biża li jiġu kontaminati l-provi.

Din it-talba sabet oġġezzjoni qawwija mill-Avukat Raisa Colombo f’isem l-Prosekuzzjoni fejn qalet li n-natura tal-akkużi huma serji u li l-akkużat huwa reċidiv wara li kien instab ħati fuq akkużi simili ta’ frodi. Qalet ukoll li għad baqa’ diversi xhieda li ngidmu li għadhom iridu jixhdu.

Il-Maġistrat Galea Sciberras qalet li hija se tagħti deċiżjoni dwar il-ħelsien mill-arrest fi stadju aktar tard. Id-difiża talbet lill-Qorti li jkun xi jkun l-eżitu d-Direttur tal-Ħabs għandu jiġi nfurmat li l-akkużat għandu bżonn assitenza medika, aktar u aktar peress li dan jinsab miżmum f’diviżjoni sitta. Il-każ ikompli fit-2 ta’ Diċembru li ġej.