Inqas minn ġimgħatejn ilu, l-Prim Ministru Robert Abela tela’ Għawdex biex flimkien mal-Ministru għal Għawdex u diversi uffiċjali oħra tal-Gvern inawgura Triq Sant’Antnin f’Għajnsielem Għawdex.

Dan minkejja li anke dakinhar li fetaħ din it-triq, kien evidenti li din ma kinitx lesta mix-xogħolijiet qabel ma ġiet inawgurata.
Issa, 12-il jum wara, bi ftit xita, it-tarmac ta’ din it-triq beda jinqala’, kif ikkonferma l-istess Ministru li inawguraha.

Kien il-Ministru stess li waħħal fix-xita għall-ħsara li sofrew partijiet minn din it-triq ġdida.
Dan kollu spiċċa fil-mira ta’ kritika ta’ bosta Għawdxin u residenti ta’ Għajnsielem, kif ukoll tal-Kelliem għal Għawdex tal-Partit Nazzjonalista Chris Said.
