Kultura Lokali

L-aħħar tislima lil Oliver Friggieri

Malta ssellem lil ikona tal-letteratura

Malta llum sellmet lil ġgant tal-letteratura Maltija, Oliver Friggieri.

F’din l-aħħar tislima, fil-Kon Katirdal majestuż ta’ San Ġwann, Mons. Charles J Scicluna mexxa ċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja ta’ Friggieri flimkien mal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi.

L-Arċisqof ta’ Malta sellem lill-kittieb u ħassieb Malti permezz ta’ omelija li fiha tkellem dwar il-fidi ta’ Friggieri.

Huwa ddeskrivieh bħala bniedem li tgħallem ikun modest, li kien jitkellem ċar, imma ma jweġġa’ qatt bi lsienu.

Għaċ-ċelebrazzjoni reliġjuża, attendew l-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura tiegħu kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni fost persuni distinti oħra.

Wara ċ-ċelebrazzjoni fil-Kon Katidral, il-funeral kompla b’mod privat.

Il-Korteo Funebri ta’ Oliver Friggieri beda l-vjaġġ tiegħu għall-ħabta tas-siegħa ta’ waranofsinhar, permezz ta’ żjara fl-Università ta’ Malta fejn hemmhekk ingħata tislima mill-Kanċillier David J. Attard, mir-Rettur il-Professur Alfred J. Vella, u kollegi u ħbieb oħra mill-Università ta’ Malta, filwaqt li Vince Fabri qara poeżija ta’ ġieħ lil Oliver Friggieri, li kien ukoll lettur fl-istess istituzzjoni.

Minn hemm, il-korteo saq lejn il-Knisja Arċipretali ddedikata lil San Publija fil-Floriana, raħal Friggieri, fejn hawn ukoll ingħatatlu tislima xierqa mill-Kleru tal-Parroċċa u tal-Kunsill Lokali.

Wara l-waqfa fil-Floriana, il-Korteo saq għall-Konkatridral ta’ San Ġwann.

Friggieri ingħata funeral tal-istat bħala turija ta’ rispett apprezzament tan-Nazzjon lejn il-kisbiet letterjarji kbar tiegħu.