Internazzjonali

L-Iżvizzera: Iweġġgħu in-nisa waqt terrur suspettat f’Lugano

Il-pulizija fil-belt ta’ Lugano arrestaw mara wara li din, allegatament, attakkat u darbet lil żewġ nisa oħra ġo stabbiliment kummerċjali ewlieni.

Ir-rapporti qalu li l-mara pruvat tifga waħda mill-vittmi qabel ħebbet għal mara oħra u bdiet tagħtiha daqqiet ta’ sikkina f’għonqha. Ingħad ukoll li l-mara spiċċat imrażżna minn persuni oħra fil-ħanut, bil-pulizija qed tissuspetta li l-azzjoni kienet xprunata minn intenzjoni terroristika.

Jidher li waħda mill-midruba qed tbati minn ġrieħi serji iżda mhix f’periklu li titlef ħajjitha. Il-vittma l-oħra, intant, ġarrbet biss il-ġrieħi ħfief fl-attakk.

Il-mara arrestata, li għandha 28 sena, kienet magħrufa lill-pulizija federali minħabba konnessjoni li kellha ma’ investigazzjoni dwar ‘it-terroriżmu ta’ elementi ġiħadisti’ li tmur lura għall-2017. L-aggressur għandha ċittadinanza Żvizzera u hi residenti fir-reġjun ta’ Ticino.

Norman Gobbi, il-President tal-Gvern ta’ Ticino, ikkundanna l-attakk u sostna li ‘l-estremiżmu mgħandu l-ebda post fil-komunità tagħhom’.