L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi qed tisħaq li l-Gvern għandu jieqaf jikser il-Kostituzzjoni u d-drittijiet tas-sidien ta’ artijiet, u għandu minnufih ibiddel liġijiet antikwati dwar artijiet u propjetà.
L-MDA qed tirreferi għal liġijiet li l-Qrati diġa kkundannat kemm-il darba.
L-Assoċjazzjoni qalet dan permezz ta’ stqarrija wara li l-Qorti Kostituzzjonali fl-aħħar jiem sabet li l-liġijiet prezenti dwar il-kirjiet argrikoli huma fi ksur tal-Kostituzzjoni. L-MDA qed tkompli tisħaq biex il-Gvern iwaqqaf minnufih dawn l-inġustizzji.
Hija qalet li Gvern serju għandu obbligu morali u legali li jipproteġi liċ-ċittadini minn kull forma ta’ inġustizzja, anke meta dawn ikunu kontra sidien ta’ artijiet.
L-Assoċjazzjoni akkużat lill-Gvern b’diskriminazzjoni kontra sidien ta’ artijiiet u li għal ħafna żmien injora ksur tal-ogħla liġi tal-pajjiż u tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.
L-MDA qed tinsisti li dawn il-liġijiet skaduti għandhom jiġu aġġornati biex jirriflettu r-realtajiet tal-ġurnata, u sabiex ikun hemm protezzjoni għas-sidien tal-artijiet bħal ma hemm għall-kerrejja.