Lokali

L-Organista Alexei Galea, iħares lura lejn ix-xogħol reċenti tiegħu

Alexei Galea huwa mużiċist komplut u versatili kemm bħala strumentalista kif ukoll fid-direzzjoni tal-orkestra. Il-karriera diversikata u prolifika tiegħu ħaditu f’diversi pajjiżi, sa minn Malta għar-Renju Unit, il-Ġermanja u r-Russja, b’kunċerti madwar id-dinja kemm bħala strumentalista kif ukoll bħala surmast tal-orkestra. Issa huwa bbażat f’Malta u jservi bħala d-Direttur Mużikali fid-Dar il-Mediterran għall-Konferenzi (MCC).

Iltqajna ma’ Alexei biex insiru nafu aktar dwar il-vjaġġ mużikali tiegħu u l-proġetti reċenti tiegħu.

Alexei, tista’ tgħidli ftit fil-qosor dwar kif bdiet ir-rotta tiegħek fil-mużika?

Ir-rotta tiegħi fil-mużika bdiet peress li missieri kien tenur u ommi kienet iddoqq il-pjanu. Meta kont tifel żgħir, konna ngħixu fir-Renju Unit u għalhekk kont immur magħhom il-Barbican ta’ spiss. Dik kienet l-ewwel introduzzjoni tiegħi fir-rigward ta’ ‘mużika serja’ – Beethoven, Sibelius, Bach u Vivaldi eċċ. Imbagħad bdejt nattendi l-iskola Purcell f’Londra, fejn studjajt il-pjanu, u aktar tard gradwajt fil-pjanu minn Moska. Studjajt ukoll id-direzzjoni għal sentejn fil-Ġermanja u daqqejt l-orgni wkoll meta kont f’Oxford. Issa qed nieħu l-orgni bis-serjetà ħafna u għalhekk qiegħed dejjem ikun l-attenzjoni ewlenija tiegħi.

Kif sibt il-qabża mill-pjanu għall-orgni?

Naħseb li tista’ tagħmel ħafna agħar milli tersaq lejn l-orgni wara li l-ewwel tkun studjajt sew il-pjanu. Għalkemm huma żewġ strumenti kompletament differenti u t-teknika tad-daqq tal-orgni hija differenti ħafna, xorta huwa strument bit-tastiera, u sabiex tkun tista’ ssir mgħallem fl-orgni, naturalment irid ikollok teknika tas-swaba’ tajba ħafna flimkien mal-koordinazzjoni ta’ saqajk. Hemm ċerti aspetti oħra tal-orgni – kemm tekniċi kif ukoll mużikali – li jagħmluh differenti ħafna wkoll, imma iva naħseb li l-kapaċita’ li ddoqq il-pjanu tista’ tkun biss ta’ vantaġġ. Naturalment, trid tassew tifhem u tħoss l-istrument sabiex tevita li ddoqq l-orgni daqs li kieku kien pjanu.

Minbarra l-karriera tiegħek bħala solista u surmast, int tmexxi wkoll il-programm mużikali fid-Dar il-Mediterran għall-Konferenzi (MCC). Kif ġew affettwati l-attivitajiet tal-MCC matul din is-sena minħabba l-pandemija COVID-19?

Kellna proġett importanti ħafna li naħseb kien ser ikun impressjonanti ħafna – ippjanat mal-ħbieb tagħna tal-European Foundation for Support of Culture (EUFSC): il-‘Ġranet Kulturali tal-Ġorġja f’Malta’ li kellhom iseħħu f’Marzu ta’ din is-sena. Dawn l-ewwel ġew posposti biex isiru f’Ottubru u issa ġew posposti għal Ottubru 2021. Wieħed mill-effetti ta’ dan kien, li bħala Direttur tal-Mużika, f’daqqa waħda kelli ħafna ħin liberu fuq idejja. Iddeċidejt li nuża dan iż-żmien biex noħloq proġett ieħor, li nagħmel rekordings tax-xogħlijiet tal-orgni ta’ J.S. Bach fil-Knisja tal-Madonna tal-Parir it-Tajjeb f’Paceville. Iltqajt ma’ Konstantin Ishkhanov, il-President tal-EUFSC, biex niddiskuti l-proġett u kien entużjast ħafna b’din l-idea u għalhekk bdejna nippjanaw mill-ewwel. Iddeċidejt li niffoka fuq ix-xogħlijiet ta’ J.S. Bach, għax jekk hemm kompożitur li huwa relatat ma’ strument partikolari u li għandu sinifikat speċjali għal strument, naturalment bla dubju għal-orgni huwa Bach. Ir-repertorju tal-organi mingħajr Bach kien ikun tabilħaqq fqir ħafna, u b’xi mod wieħed jista’ jgħid li organista li ma jdoqqx Bach mhuwiex verament organista. Ir-repertorju tal-orgni huwa iktar strett f’dak is-sens għax billi, pereżempju pjanist li ma jdoqqx Liszt, ma jistax jingħad li mhux pjanist – għax hemm ħafna repertorju ieħor għal-pjanu. Bach verament huwa essenzjali ħafna għar-repertorju tal-orgni u għalhekk li ddoqq Bach mhux biss huwa ta’ pjaċir kbir, imma wkoll storikament importanti ħafna.

Bdejt bir-rekordings diġà?

Iva diġà rrekordjajna żewġ sonati trio: waħda f’Re minore u waħda f’Mi minore; kif ukoll il-famuża Toccata u Fuga f’Re minore; it-Toccata, Adagio u Fuga f’Do; u xi xogħlijiet oħra żgħar. Prattikament qed nirrekordjaw kull sitt ġimgħat.

“Id-daqq tal-orgni huwa l-manifestazzjoni ta’ rieda mimlija bil-viżjoni tal-eternità.” – Charles Marie Widor.

Meta wieħed iqis l-ammont kbir ta’ repertorju disponibbli, kif wasalt għal-lista ta’ biċċiet li għażilt li tirrekordja?

Fil-fatt ordnajt ix-xogħlijiet kollha ta’ Bach ftit tas-snin ilu – xi 11-il volum ta’ mużika għall-orgni. Ħafna minnha hija mużika li hija marbuta ma’ funzjoni liturġika. Jiġifieri, jista’ jkollok tema komposta minn Martin Luther jew Protestant ieħor, u Bach kien jikteb il-melodiji madwarha u jipproduċi per eżempju korali biex jintużaw fil-knisja. Iżda allura hemm ix-xogħlijiet ewlenin li llum jistgħu jissejħu biċċiet tal-kunċerti, għalkemm naturalment fi żmien Bach il-kelma ‘kunċert’ ma ntużatx kif nużawha llum. Dak li rrid infisser huwa li minħabba li fis-seklu 19 kienu jibnu l-organi fis-swali, dawn ix-xogħlijiet jistgħu jindaqqu bħalla preludji u l-fugi – pereżempju il-Passacaglia u Fuga ta’ Bach f’Do minore – li hija biċċa mużika li mhix liturġika u li wieħed jista’ jisma’ bi pjaċir kbir, bħalma tista’ tagħmel max-xogħlijiet l-oħra tiegħu, għax naturalment huma meraviljużi u ta’ min igawdihom ukoll.

Nifhem li kellek kunċerti barra minn Malta ma’ artisti Maltin oħra fl-2019 b’kollaborazzjoni mal-EUFSC?

Iva, kien hemm il-‘Ġranet ta’ Mużika Maltija fir-Russja’. Kellna l-ewwel kunċert tas-sensiela fil-fatt li seħħ fil-25 ta’ Mejju 2019 f’Kislovodsk, ma’ pjanista żagħżugħa Maltija – Bernice Sammut Attard u l-Orkestra Sinfonika Akkademika ta’ Safonov. Daqqejna l-kunċert għal-pjanu ta’ Grieg u xogħol mill-aqwa minn kompożitur Daniż kbir, is-Sinfonija Numru 2 ta’ Carl Nielsen.

Kif mar il-kunċert?

Tajjeb ħafna. Bernice ntlaqgħet tajjeb ħafna mill-udjenza. Qabel dan kienet irrappreżentat lil Malta fil-Eurovision Young Musicians 2018 u huwa għalhekk li ġiet magħżula għal dan il-kunċert. Daqqet tajjeb ħafna u aħna kuntenti li ħadet sehem.

Kien hemm kunċerti oħra li kienu parti minn din is-sensiela?

Iva tabilħaqq – jien idderigejt kunċert ieħor f’Barnaul aktar tard dik is-sena f’Ottubru. Qed insemmi dan il-kunċert għax kont involut fih. Imma iva, il-Fondazzjoni ippreżentat disa’ kunċerti oħra matul is-sena sa nofs Diċembru, madwar bliet Russi inklużi Barnaul, Petrozavodsk, Sochi, Ryazan, Astrakhan, Omsk, Chelyabinsk u Saratov. Kien hemm ukoll sensiela ta’ kunċerti li saru fil-Każakstan, intitolati ‘Ġranet ta’ Mużika Maltija fil-Każakstan’, kunċett simili iżda b’numru iżgħar ta’ kunċerti. Jiena dderigejt kunċert minnhom fil-31 ta’ Mejju, din id-darba ma’ solista meraviljuża, il-vjolinista Zhibek Musurgaliyeva. Hi daqqet il-Kunċert ta’ Khachaturian għall-Vjolin u l-Orkestra, u esegwejna wkoll l-ewwel sinfonija ta’ Beethoven. Bernice Sammut Attard daqqet il-kunċert tal-pjanu ta’ Grieg f’din is-sensiela ta’’kunċerti, iżda din id-darba mal-Orkestra Sinfonika Eurasia. F’Malta kont ukoll idderiejt l-Orkestra Sinfonika Statali ta’ San Pietruburgu f’Ġunju tas-sena li għaddiet bħala parti minn mawra f’Malta organizzata mid-Dar il-Mediterran għall-Konferenzi b’kollaborazzjoni mal-EUFSC.

Tippreferi ddoqq jew tmexxi l-orkestra, jew huma żewġ naħat tal-istess munita għalik?

Naħseb li fil-każ tiegħi, ir-repertorju jimbuttani biex nagħmel dak li nkun nixtieq. Inħobb lil Wagner u Mahler … Bruckner ukoll fil-fatt, u jien inħobb ħafna l-mużika sinfonika in ġenerali. Mela jekk ikolli ċ-ċans niddirieġi din il-mużika li tant inħobb allura nkun kuntent. Imma bl-istess mod inħobb l-orgni wkoll, speċjalment li nista’ ndoqq Bach. Meta nkun qed nipprattika waħdi f’sala fuq orgni kbir, is-sentiment u l-ħoss huma esperjenza inkredibbli. U fil-fatt dik hija konsolazzjoni matul dawn iż-żminijiet, u mhux konsolazzjoni żgħira, li għallinqas waqt il-Coronavirus xorta stajt indoqq il- mużika ta’ Bach! Allura mhux kollox kien ħażin.

Apparti l-affarijiet li diġà ddiskutejna, Alexei, hemm xi proġetti oħra li tixtieq issemmi?

Iva, fil-fatt is-sena d-dieħla bħala parti minn dawn ir-rekordings li qed nagħmlu – nisperaw li nkunu nistgħu nxandruhom fuq it-televiżjoni, forsi darba fix-xahar. Qed nippjana wkoll li nirrekordja aktar xogħlijiet ta’ Bach fuq orgni f’Altenburg fil-Ġermanja tal-Lvant, kif ukoll fl-Olanda, San Pietruburgu u fi knisja oħra Ġermaniża.

Dawn se jkunu rekordings purament awdjo jew vidjow ukoll?

Dawn kollha se jkunu rekordings vidjo. Ikkummissjonajt ukoll xogħol ġdid għall-orgni mingħand il-kompożitur Malti Alex Vella Gregory, iżda li se jkun irrekordjat fuq l-orgni tal-Capella f’San Pietruburgu. Barra minn hekk qed nippjana li ndoqq għażla ta’ sonati minn kompożitur Malti ieħor, Azzopardi.

Semmejt l-EUFSC – kemm ilek taħdem mal-Fondazzjoni?

Naħseb li fil-fatt kont wieħed mill-ewwel nies hawn Malta li kkollabora mal-Fondazzjoni u Konstantin Ishkhanov. Jien kont norganizza masterclasses u proġetti oħrajn, u allura meta Konstantin daħal fix-xena u beda jinvesti kif suppost fl-arti u l-kultura, bdejna naħdmu flimkien fuq proġetti f’Malta. Għaddew ftit snin issa minn meta Konstantin u l-Fondazzjoni ilhom joperaw f’Malta, u naħseb li għamilna ħafna xogħol tajjeb flimkien: ‘Ġranet Kulturali Torok’, it-tours tas-Sinfonietta Statali tal-Istat Ġorġjan minn Tbilisi, il-Filarmonica Nissena Siċiljana, l-Orkestra Sinfonika Statali ta’ San Pietruburgu, l-Orkestra Statali tal-Karelia u ħafna oħrajn. Kieku ma kienx għal Konstantin u l-Fondazzjoni, ħafna talent Malti jien jibqa’ moħbi għax f’Malta hawn limitazzjonijiet, sew minħabba l-fatt li aħna gżira żgħira, u għax mhux imdorrijin biżżejjed fil-promozzjoni tal-kultura għolja fis-soċjetà tagħna. Iva naħseb li l-Fondazzjoni qed tagħmel xogħol eċċellenti b’rabta mal-kultura, li għandna napprezzaw f’Malta.

Għal aktar informazzjoni dwar ix-xogħol tad-Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, jekk jogħġbok żur www.mcc.com.mt, u għal informazzjoni dwar il- European Foundation for Support of Culture żur www.efusc.eu.