Internazzjonali

Sebgħa mejta f’inċident tal-baħar f’Lanzarote

Inċident fil-gżira Spanjola ta’ Lanzarote ħalla 7 persuni mejta meta dgħajsa li fuqha kien hemm mill inqas 30 persuna inqalbet fil-baħar. Skont is-servizzi tal-emergenza, jidher li id-dgħajsa għal xi raġuni ħabtet mal-blat viċin il-port ta’ din il-gżira, li tinsab qrib il-kosta Afrikana.

Meta instabu, il-katavri kienu ilhom fil-baħar lejl sħiħ. Minkejja dan l-operazzjoni għat-tfittxija xorta ser tibqa għaddejja.

Filmati li xxandru juru ħaddiema tas-salvataġġ jgħollu mill-baħar immigranti ta’ nazzjonalita’ Afrikana, filwaqt li oħrajn jidhru bilqiegħda fuq il-blat. Il- ħaddiema tas-salvataġġ wara qalu li l- immigranti kienu bdew il-vjaġġ mil- Morokk, numru ta’ ġranet qabel.

Il-maġġoranza tal-immigranti li salvaw ġew meħuda fuq gżira oħra fejn qiegħdin jinżammu eluf ta’ nies fosthom anke’ f’kampijiet.

Spanja wegħdet illi fil-jiem li ġejjin għandha tipprovdi iktar kampijiet biex takkomoda l-immigranti. Ħafna mill-immigranti bħalissa qiegħdin jinżammu f’lukandi li għal mument jinsabu vojta minħabba l- Covid-19.