Lokali

Siġar imneżżgħin f’Zammit Clapp

F’perjodu meta bħalissa l-anzjani f’Residenzi għall-Anzjani ftit jew xejn jistgħu jirċievu żjarat minn qrabathom – kawża tal-pandemija tal-Coronavirus – dawn fir-residenza Zammit Clapp issa spiċċaw lanqas jistghu igawdu l-ambjent ta’ barra.

Dan hekk kif xi ħadd iddeċieda li għadd kbir ta’ siġar tneżżgħu saz-zokk, b’ħafna jesprimu ruħhom diżgustati fuq Facebook. L-anzjani kienu jieħdu gost jaraw l-għasafar fuqhom, filwaqt li s-siġar kienu jipprovdu dell, partikolarment mis-sħana qawwija tas-Sajf.

Għal ħafna, dawn is-siġar kienu ta’ wens, bl-arja friska ‘l bogħod mid-dħaħen tal-karozzi. L-impjegati tar-Residenza li tkellmu ma’ NET News qalu li ma jistgħux jifhmu r-raġuni wara din id-deċiżjoni.

Aktarx iżda, id-deċiżjoni fittxet ittieħdet f’dawn iż-żminijiet għax il-bibien tar-Residenza Zammit Clapp huma magħluqin għall-viżitaturi. Uħud qed jistaqsu jekk kienx hemm xi raġuni ulterjuri għal din il-mossa.

Li hu żgur – komplew jgħidu l-ħaddiema – li l-anzjani spiċċaw jitilfu parti sabiħa tar-Residenza, li tant kienu jħobbu għax kienet iżżommilhom il-wens.