Internazzjonali

Stati Uniti: Passi sinifikanti lejn it-tmexxija ta’ Biden wara l-għażla tal-Uffiċjali ewlenin

Il-President-elett tal-Istati Uniti, Joe Biden, mhux jistenna li l-bidu tat-tmexxija tiegħu – ladarba jieħu l-ġurament bħala President ġdid f’Jannar – għandu jkun affettwat mid-dawmien għall-proċess tat-tranżizzjoni ta’ wara r-rebħa tiegħu fl-elezzjoni tat-3 ta’ Novembru.

Fl-istess ħin, Biden qed jgħid li l-uffiċjali tal-White House huma ‘sinċieri’ fl-impenji tagħhom biex jgħinu lejn it-tranżizzjoni tal-poter wara li l-President Amerikan attwali, Donald Trump, qabel biex jippermetti l-bidu tal-proċess tat-tranżizzjoni – kważi tliet ġimgħat wara l-elezzjoni għall-Presidenza.

Fl-istess ħin, Trump qed jirrifjuta li jammetti t-telfa u baqa’ jirrepeti l-akkużi mhumiex issostanzjati li kien hemm il-‘frodi u tbagħbis’ fl-elezzjoni.

L-isforzi ta’ Trump biex jikkuntesta r-r-riżultati tal-elezzjoni f’numru ta’ Stati Amerikani s’issa fallew – bl-Istati ta’ Nevada u Pennsylvania it-tnejn jikkonfermaw ir-rebħa ta’ Biden fl-aħħar sigħat. Dan wara l-konferma tar-rebħa għall-kandidat Demokratiku fl-Istat ta’ Michigan.

Min-naħa tiegħu, Joe Biden qed jippjana biex jiltaqa’ mal-membri ta’ task force għal kontra l-Covid-19 fil-White House bil-għan li jiddiskutu l-aċċess għall-vaċċin u d-distribuzzjoni tiegħu.

Joe Biden, intant, żvela l-għażliet tiegħu għal sitt karigi ewlenin fil-Gvern ġdid tiegħu.

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan ġdid huwa Antony Blinken li, fl-ewwel kummenti, qal li l-Istati Uniti ‘se tkun qed taħdem biex tirristawra r-relazzjonijiet ma’ pajjiżi oħrajn’.

Għażla oħra sinifikattiva hi ta’ John Kerry bħala r-Rappreżentant tal-Istati Uniti għall-impenji relatati mal-Bidliet fil-Klima. Kerry kien protagonista għall-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima tal-2015 — bl-Istati Uniti, imbagħad, tirtira minnu taħt it-tmexxija ta’ Trump.

Hemm ukoll l-għażliet storiċi ta’ Avril Haines bħala Direttur għas-Servizzi Sigrieti Nazzjonali u Alejandro Mayorkas bħala s-Segretarju għas-Sigurtà Interna. Haines saret l-ewwel mara li ngħatat il-kariga, b’Mayorkas ikun l-ewwel Uffiċjal ta’ nisel Latin fdat bil-homeland security tal-Istati Uniti.

Ħatriet oħra huma ta’ Jake Sullivan bħala l-Konsulent għas-Sigurtà Nazzjonali mal-White House u Linda Thomas-Greenfield bħala l-Ambaxxatur tal-Istati Uniti għan-Nazzjonijiet Uniti.

Ħafna minn dawn l-għażliet –ħlief fil-każi ta’ Kerry u Sullivan –jeħtieġu l-konferma tas-Senat Amerikan iżda huma rari ħafna l-każi fejn is-Senat jiċħad għal xi innominat.