Lokali Sport

XOKK FID-DINJA SPORTIVA: Imut Diego Armando Maradona

Id-dinja tal-futbol tinsab maħsuda bl-aħbar xokkanti dwar il-mewt ta’ Diego Armando Maradona, l-ikonu għal ġenerazzjonijiet ta’ plejers u partitarji u li rebaħ kull unur li joffri l-futbol.

Maradona jibqa’ imsemmi għal kif, bħala plejer tat-tim ta’ Serie A Napoli, kien strumentali biex it-tim min-naħa t’isfel tal-Italja rebaħ l-ewwel kampjonat nazzjonali lejn l-aħħar tas-snin tmenin ( bin-Naplitani jirrepetu s-suċċess fl-1990). Maradona kien ukoll pedina importanti fit-tim ta’ Napli li rebaħ it-Tazza UEFA fl-istaġun 1988-89 u għadu sallum meqjum bħala leġġenda għan-Naplitani.

Iżda l-leġġenda ta’ Maradona saret indiskutibbli wara l-wirjiet kbar li hu kien ta fil-kompetizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-1986….Hawnhekk kienu spikkaw b’mod partikulari ż-żewġ gowls ta’ Maradona kontra l-Ingilterra waqt il-kwarti-finali u fejn ma naqasx is-soltu element ta’ kontroversja li kien ukoll sinonimu ma’ dan il-plejer brillanti.

Fil-fatt, Maradona kien mexxa lill-Arġentina lejn suċċess f’dik il-kompetizzjoni — fejn it-tim tiegħu għeleb lill-Ġermanja fil-finali kumbattuta biex b’hekk aċċerta minn tieni Tazza tad-Dinja fl-istorja ta’ dan il-pajjiż Latin Amerikan.

Ftit tal-jiem ilu, Maradona kien operat b’suċċess għal trombożi. Dan meta hu, fl-aħħar snin ta’ ħajtu kien qed ibati bl-obeżità u  minn diversi problemi tas-saħħa, għalkemm l-istatus tiegħu ta’ leġġenda ma battiet qatt mad-dilettanti tal-futbol madwar id-dinja.

Diego Armando Maradona, li dan ix-xahar għalaq 60 sena, baqa’ sal-aħħar involut fil-futbol u meta l-aħħar impenn tiegħu kien bħala l-kowċ tal-klabb Arġentin Gimnasia de La Plata.