152 huwa n-numru ta’ każijiet ġodda li nstabu fl-aħħar sigħat, sa issa l-akbar numru f’din il-ġimgħa, bit-total ta’ każijiet attivi tela’ għal 2,121.
It-total ta’ każijiet pożittivi huwa dak ta’ 9,622, bin-numru ta’ dawk li fiequ huwa dak ta’ 7,165.
F’pajjizna diġa’ kellna 125 vittma tal-Covid-19, iżda skont Robert Abela, Malta kkontrollat l-imxija tal-Covid-19 b’mod tajjeb.
Din l-istqarrija saret l-Erbgħa filgħaxija meta l-Prim Ministru kien suppsot qiegħed iwieġeb numru ta’ domandi onlajn fejn tenna li l-mod kif Malta affrontat l-pandemija kien wieħed kawt, u qal li dejjem ingħatat prijorità lis-saħħa, waqt li qal li nstab bilanċ.
Robert Abela ilu jirrepeti li “kollox taħt kontroll” kull darba li jkun affaċjat bid-domandi dwar kif il-Gvern seta’ kkontrolla aħjar it-tieni mewġa tal-Coronavirus.
Fl-aħħar jiem hu insista li s-sitwazzjoni hi stabbli– stqarrija li irrepetiha wkoll kemm l-Erbgha, u anke it-Tlieta qabel il-laqgħa tal-Kabinett.
Intant mill-116-il każ li kienu rappurtati l-Erbgħa kien hemm 5 kollegi ta’ każi magħrufa, 23 qraba ta’ każi magħrufa, 4 kuntatti diretti oħrajn, 2 minn avvenimenti soċjali… dan filwaqt li 82 każ mhux ikkonfermat minn fejn ġew, bil-każijiet sporadiċi jkomplu kull ma jmur dejjem jiżdiedu.