Lokali

“Ċar għalina li Malta hi maħkuma minn poteri oligarkiċi” – Repubblika

L-għaqda Repubblika bi stqarrija iebsa fuq il-btala ta' Muscat u Zammit Lewis ma' Yorgen Fenech

Repubblika qrat bi tħassib u dieqa kif Prim Ministru u ministru tal-gvern marru vaganza mħallsa minn Yorgen Fenech, fil-kuntest t’aħbarijiet li ħerġin qatra qatra ta’ ħbiberiji u pjaċiri inaċettabbli bejn politiċi u negozjanti kbar li jużaw rigali, privileġġi u kumplimenti biex joqorbu n-nies li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-pajjiż.

Fi stqarrija maħruġa l-Ħamis, l-għaqda qalet li qed jidher dejjem aktar ċar li teżisti kultura li dawn it-tip ta’ rigali u pjaċiri huma regolari u aspett aċċettabbli tal-mod kif għandu jitmexxa pajjiż. Għal Repubblika, dan mhux aċċettabbli.

Huwa ta’ tħassib għalihom l-aktar hi l-attitudni ta’ politiċi, partikolarment persuni li minħabba li huma fil-gvern qegħdin f’pożizzjoni li jieħdu deċiżjonijiet korrotti li jiffavorixxu ‘l min jixtrihom, li jiddefendu din il-kultura jew jipprovaw jiġġustifikawha.

“Illum qed naraw x’issarraf. Il-ħbiberija ta’ Joseph Muscat ma’ Yorgen Fenech hi l-atmosfera li fiha seħħ l-akbar att korrott fl-istorja riċenti ta’ Malta: l-Electrogas. Imbagħad il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li l-evidenza li nstemgħet s’issa tindika li seħħ biex jipprova jgħattih.”

L-għaqda semmiet ukoll kif Yorgen Fenech żamm fil-komma il-kumplimenti li taw il-familja tiegħu lil nies li jipprova jirrikatta biex jevita l-ġustizzja. Fil-fehma tagħhom, l-episodju dwar iż-żjara f’Tel Aviv ta’ Jason Azzopardi hu attentat ieħor ta’ rikatt li Jason Azzopardi messu evita li jesponi lilu nnifsu għalih. Hu ta’ soljev li dan ma sewiex ta’ intimidazzjoni għal Jason Azzopardi iżda meta jaraw kemm hemm politiċi siekta dwar l-iskandlu tal-Electrogas u dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia (jekk mhux saħansitra alleati ta’ Yorgen Fenech), jitħassbu kemm flusu qed jintużaw biex jaħrab mill-ġustizzja.

Repubblika sellmet ‘il-ġurnalist Ivan Martin li rriffjuta l-ħlas biex jikteb b’mod li jiffavorixxi ‘l Yorgen Fenech u tenniet l-ammirazzjoni għall-kuraġġ tiegħu. Sellmet ukoll lil dawk il-ġurnalisti l-oħra li ma jaċċettawx li jkunu mixtrija u li għalihom il-ġurnalizmu mhux propoganda.  Iżda tenniet wkoll it-tħassib li r-rigali, il-kumplimenti u l-flus imdemmijja mhux offruti biss lill-politiċi, iżda lil kull min hu vulnerabbli għall-korruzzjoni, jew għall-intimidazzjoni biex flok jaqdi dmiru jgħin lil Yorgen Fenech, lil kull min b’xi mod kien involut fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u fil-korruzzjoni li dak il-qtil prova jgħatti, jevitaw li jħallsu t’għemilhom.

“Ċar għalina li Malta hi maħkuma minn poteri oligarkiċi. Ċar għalina li ma nistgħux nistennew lil xi eroj foloz biex isalvawna mill-mandra li tefgħuna fiha. Iridu jkunu l-Maltin u l-Għawdxin kollha li jirbħu lura ‘l pajjiżhom.”

Repubblika temmet issejjeħ lin-nies kollha ta’ rieda tajba, lill-politiċi li jridu jirrifjutaw kull dell ta’ influwenza korrotta, lill-partiti politiċi li lesti jsiru trasparenti fil-mod kif ikunu iffinanzjati, lill-ġurnalisti indipendenti, lill-pulizija nodfa, u ‘l-prosekuturi u ‘l-ġudikanti ta’ kuxjenza biex jieqfu ‘l-mafja u jeqirduha.