Internazzjonali

Covid-19: Il-Ġermanja qed tipprova għal ftehim mal-UE biex jingħalqu s-ski resorts

Il-Ġermanja qed tfittex ftehim mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea biex ir-resorts għall-iskiing jinżammu magħluqin sal-ewwel xhur ta’ Jannar. Dan qed isir bħala tentattiv ieħor lejn it-trażżin tal-infezzjonijiet bil-coronavirus madwar l-Ewropa.

Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel qalet lill-Parlament li għaddejjin l-isforzi lejn ftehim rigward ir-resorts li għandu jkun effettiv għall-Ewropa kollha.

Iżda filwaqt li l-Italja u Franza esprimew l-appoġġ tagħhom lejn ‘politika koordinata’ għall-kontroll tal-Covid-19, l-Awstrija hi mħassba dwar l-implikazzjonijiet tal-pass potenzjali fir-rigward tar-resorts.

Fil-fażi inizjali tal-pandemija, is-ski resorts tal-Ewropa kienu fost l-akbar zoni ta’ infezzjoni – bil-virus jinfirex b’rata rapida madwar il-pajjiżi tal-kontinent.

Ftit tal-jiem ilu, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) wissiet li l-Ewropa, illum, qed tiffaċċja ‘kriżi tal-Covid-19 li qed tiżdied minn jum għall-ieħor.’ U għalkemm spinta ġdida ta’ restrizzjonijiet naqqsu xi ftit mill-infezzjonijiet ġodda f’xi pajjiżi, xorta hemm biża’ kbira li l-pandemija tista’ tkun agħar matul ix-xhur tax-xitwa.

L-Italja – l-istess bħall-Ġermanja – ukoll enfasizzat il-ħtieġa għal appoġġ ‘kollettiv u konġunt’ dwar l-issue tas-ski resorts. Fil-fatt, il-Prim Ministru Taljan, Giuseppe Conte, diġà appoġġja politika li ‘tiffriża’ il-bidu tal-istaġun tal-isport tax-xitwa f’pajjiżu.

It-Taljani għandhom ‘tradizzjoni’ li jqattgħu l-btajjel tal-Milied u s-Sena l-Ġdida fir-resorts inkwistjoni u dan il-perjodu hu kruċjali għall-ekonomija lokali tal-pajjiżi Ewropej li jaffordjaw il-faċilitajiet għal skiing u attivitajiet simili.

Il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, għamilha ċara li s-ski resorts ta’ pajjiżu se jibqgħu magħluqin sal-bidu tal-2021. Il-Prim Ministru Franċiż, Jean Castex, tenna, intant, li jrid jara li r-regoli dwar il-coronavirus għal dawn ir-resorts ‘jinżammu u jkunu infurzati kemm jista’ ikun fuq livell Ewropew’.

Franza qed tippjana biex tnaqqas gradwalment il-lockdown attwali (fuq bażi nazzjonali) u li għandu jitmexxa fuq tliet fażijiet – sal-aħħar ta’ Jannar. Ħafna restrizzjonijiet se jitnaqqsu għal ftit ġranet fi żmien il-Milied, b’Castex jgħid li ‘iċ-ċelebrazzjonijiet għall-familji ma jistgħux isiru mingħajr il-preżenza tan-nanniet’.

L-Awstrija, madankollu, tennet it-tħassib tagħha dwar ‘pjan tal-UE ġenerali’ għas-ski resorts – bil-Ministru tal-Finanzi Awstrijak, Gernot Blumel, jgħid li ‘l-UE ‘ikollha tħallas hi f’sitwazzjoni fejn tisforza l-għeluq tar-resorts’. Kumpens bħala dan mistenni li jlaħħaq mal-biljuni tal-ewro.

Intant, l-Iżvizzera – li mhix fl-Unjoni Ewropea – diġà fetħet ir-resorts tagħha, kuntrarju għal destinazzjonijiet oħra fir-reġjun tal-Alpini. Għaldaqstant id-dilettanti tal-isport tax-xitwa li ma jistgħux iqattgħu il-‘winter breaks’ f’pajjiżhom jew fil-pajjiżi ġirien kapaċi jagħżlu li jmorru f’dan il-pajjiż għall-btajjel.

Min-naħa tagħha, Angela Merkel iddefendiet id-deċiżjoni tagħha biex testendi l-lockdown parzjali tal-Ġermanja sal-20 ta’ Diċembru.

Ir-regoli aktar stretti għandhom jillimitaw il-laqgħat privati għal ħames persuni minn żewġ familji u jridu jidħlu fis-seħħ mill-ġimgħa d-dieħla. It-tfal taħt l-14-il sena huma eżenti minn din ir-regola.

Il-Mexxejja tal-Ġermanja anki żvelaw il-pjani għall-Milied, fejn massimu ta’ għaxar persuni se jkunu permessi li jiltaqgħu flimkien bejn it-23 ta’ Diċembru u l-1 ta’ Jannar.