Futbol Sport

Draw bejn Lille u Milan, rebħiet faċli għal Arsenal u Tottenham

(Ritratt: EPA)

Lille u Milan temmew fi draw ta’ 1-1 f’partita bilanċjata bejn iż-żewġ timijiet li jinsabu jokkupaw l-ewwel u t-tieni post f’dan il-grupp. SAMUEL CASTILLEJO tefa’ lil Milan fil-vantaġġ żewġ minuti minn ftuħ l-ewwel taqsima, b’JONATHAN BAMBA jġib l-iskor indaqs fis-65 minuta biex b’hekk Lille baqgħu b’punt aktar minn Milan fil-quċċata tal-klassifika ta’ dan il-grupp.

Arsenal kisbu rebħa faċli ta’ 3-0 barra minn darhom kontra Molde, rebħa li tfisser li l-Gunners kwalifikaw għar-rawnd li jmiss. NICOLAS PEPE fetaħ l-iskor wara 50 minuta. REISS NELSON irdoppja għall-Gunners ħames minuti wara biex fit-83 minuta is-sostitut FOLARIN BALOGUN għamilhom 3-0.

Tottenham kisbu rebħa faċli ta’ 3-0 fuq Ludogorets f’partita fejn it-tim ta’ Jose Mourinho ddomina mill-bidu sat-tmiem. VINICIUS skorja darbtejn għal Tottenham fl-ewwel 34 minuta tal-partita biex fetaħ vantaġġ ta’ 2-0. Tottenham komplew fejn ħallew fl-ewwel taqsima u fit-63 minuta HARRY WINKS għamilhom 3-0 b’gowl mill-isbaħ. LUCAS MOURA skorja r-raba’ gowl għal Tottenham fit-72 minuta.

Leicester City kisbu punt fi draw ta’ 3-3 barra minn darhom kontra Braga, punt li kien biżejjed biex aċċerta mill-kwalifikazzjoni għall-fażi li jmiss. AL MUSRATI fetaħ l-iskor għall-Portugiżi wara biss erba’ minuti, biex HARVEY BARNES ġab l-iskor indaqs ħames minuti wara. PAULINHO għamilhom 2-1 favur Braga fl-24 minuta. LUKE THOMAS reġa ġab id-draw għal Leicester biex fil-ħin addizzjonali fi tmiem it-tieni taqsima kellna żewġ gowls oħra. FRANSERGIO reġa tefa’ lil Braga fil-vantaġġ, liema vantaġġ damu jgawduh ftit sekondi għaliex JAMIE VARDY salva punt għal Leicester.

Napoli lagħbu l-ewwel partita minn wara l-mewt tal-leġġenda tal-klabb Diego Mardona u kisbu rebħa komda ta’ 2-0 fuq Rijeka. Awto-gowl ta’ ARMANDO ANASTASIO tefa’ lil Napoli fil-vantapp fil-41 minut biex HRIVING LOZANO skorja t-tieni gowl għan-Naplitani kwarta mit-tmiem.

Roma ukoll kwalifikaw għall-fażi li jmiss meta barra minn darhom għelbu lil Cluj 2-0. Roma marru fil-vantaġġ fid-49 minuta permezz ta’ awto-gowl ta’ GABRIEL DEBELJUH. JORDAN VERETOUT irdoppja u aċċerta mit-tliet punti fis-67 minuta.

Minn Grupp H, l-istess grupp ta’ Milan u Lille, Celtic sfaw megħluba 4-1 minn Sparta Prague biex b’hekk sfaw eliminati mill-fażi tal-gruppi ta’ din il-kompetizzjoni u komplew bl-istaġun ħażin tagħhom. Għal Sparta Prague skorja HANCKO, dopjetta ta’ JULIS u PLAVSIC filwaqt li l-gowl ta’ Celtic skorjah EDOUARD.

UEFA EUROPA LEAGUE
Illejla: CSKA Sofia v Y. Boys 0-1, CFR Cluja v Roma 0-2, Molde v Arsenal 0-3, Dundalk v R. Wien 1-3, B. L’kusen v H. Beer Sheva 4-1, Nice v S. Prague 1-3, Rangers v Benfica 2-2, S. Liege v L. Poznan 2-1, Granada v O. Nicosia 2-1, PSV v PAOK 3-2, AZ Alkmaar v R. Sociedad 0-0, Napoli v Rijeka 2-0, AEK v Zorya 0-3, Braga v Leicester 3-3, Lille v Milan 1-1, S. Prague v Celtic 4-1, M. Tel Aviv v Villareal 1-1, Qarabag v Svissapor 2-3, LASK v R. Antwerp 0-2, Tottenham v Ludogorets 4-0, CSKA Moscow v Feynoord 0-0, Wolfsberger v D. Zagreb 0-3, Gent v Crvena Zvezda 0-2, S. Liberec v Hoffenheim 0-2