Internazzjonali

Etjopja: ‘L-aħħar fażi’ tal-attakk mill-Armata fuq Tigray

Il-Prim Ministru Etjopjan, Abiy Ahmed, qal li qed jibda ‘il-fażi finali tal-offensiva’ mill-Armata fuq ir-reġjun ta’ Tigray fejn il-ġellieda ribellużi qegħdin jirreżistu lill-Gvern ta’ Addis Ababa. Intant, fl-aħħar sigħat kien qed jitħejja ‘attakk deċiżiv’ fuq il-belt ta’ Mekelle, li hi l-kapitali ta’ Tigray.

Intant, Ahmed qal li l-militar tiegħu kellu jagħmel minn kollox ‘biex jevita d-danni għal ċivili’ filwaqt li ħeġġeġ biex in-nies jibqgħu d-dar waqt l-offensiva.

L-azzjoni militari bdiet tirranka wara li l-ġellieda f’Tigray injoraw id-deadline tal-Prim Ministru biex huma jċedu l-armi. Fil-fatt, dawn il-ġellieda għamluha ċara li kellhom jibqgħu ‘akkost ta’ kollox’ jirreżistu lill-qawwiet tal-Armata.

Ir-rapporti mill-Etjopja qalu li nqatlu l-mijiet tan-nies – b’eluf jitkeċċew minn djarhom – waqt li l-qawwiet Etjopjani ħatfu l-kontroll ta’ diversi bliet f’Tigray.

L-ibliet inkwistjoni, qabel, kienu f’idejn il-ġellieda mal-Front għal-Liberazzjoni tal-Poplu ta’ Tigray (TPLF) — waqt li, għalissa, diffiċli biex wieħed jikkonferma d-dettalji tal-ġlied, peress li nqatgħu l-komunikazzjonijiet kollha (bit-telefon u l-Internet) mar-reġjun ribelluż.