Lokali Qorti

Il-każ ta’ Jesper Kristiansen mixli bil-qtil doppju f’Tas-Sliema se jibda nhar it-Tnejn

Il-kumpilazzjoni fil-konfront tad-Daniż Jesper Kristiansen ta’ 30 sena akkużat bil-qtil doppju f’Tas-Sliema se tibda nhar it-Tnejn quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud. Kristiansen huwa t-tielet suspettat b’rabta mal-qtil ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski.

Kristinasen tressaq il-Qorti nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Novembru wara li ġurnata qabel inġieb Malta minn Spanja wara li kien ħarab lejn dan il-pajjiż. L-akkużat, li meta tressaq qal li m’għandux residenza fissa qal ukoll li x-xogħol tiegħu huwa ‘on line’ u wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

Il-polza messet lill-Maġistrat Joe Mifsud biex jisma’ l-provi fil-konfront tad-Daniż, l-istess Maġistrat li diġa’ beda jisma’ l-provi fil-konfront ta’ Victor Dragomanski, li wkoll jinsab mixli bil-qtil ta’ Pandolfino u Maciejowski. Il-każ fil-konfront ta’ Kristiansen se jibda fid-9.00am.

Mill-provi li ħarġu sa issa rriżulta li ġew sparati ħames tiri fil-kondfront ta’ Christian Pandolfino, liema tiri kienu mill-viċin u kien l-ewwel wieħed li miet.

Dan peress li kien hu li ġie aggredit l-ewwel. Kollox jindika li Ivor Maciejowski miet ftit wara minn tir wieħed u minn distanza ftit aktar il-bogħod, liema tir kien wieħed vfatali li spiċċa f’rasu.

Kristiansen inġieb lura Malta għall-ħabta ta’ nofsinhar b’titjira li waslet minn Madrid. Ftit wara l-qtil doppju fit-18 ta’ Awwissu li għadda huwa kien ħarab minn Malta lejn Barcelona u spiċċa nqabad fil-Belt ta’ Cadiz mill-Pulizija Spanjola.

Il-Pulizija Maltija kienet għamlet talba għall-Mandat ta’ Arrest Ewropew u ftit tal-jiem wara huwa kien ġie arrestat mill-Pulizija Spanjola. Huwa kien ikkontesta t-talba biex jinġieb lura Malta fil-Qorti Spanjola, liema talba ma kinitx milqugħa, għal darba darbtejn wara li kien ressaq Appell biex ma jiġix estradit.

L-ajruplan, li fuqu inġieb Malta ġie chartered mill-Korp tal-Pulizija, niżel fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fost sigurtà stretta.  Wara siegħat ta’ interogazzjoni mill-Pulizija fid-Depot, il-Ġimgħa wara nofs inhar tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.

Kiristiansen qed jiġi mixli bl-istess akkużi ta’ Viktor Dragomanski ta’ 36 sena, li huwa mill-Maċedonja, dik li fit-18 ta’ Awwissu li għadda għall-ħabta tal-10.15pm fir-residenza ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski f’Tas-Sliema bil-ħsieb li joqtolhom kkawża l-mewt tagħhom.

Qed jiġi mixli wkoll b’serq ta’ ġojjellerija mingħand il-vittmi, għamel użu minn karozza misruqa, ikkommetta serq ta’ pjanċi u li kellu fil-pussess tiegħu arma mingħajr il-permess tal-Kummissarju tal-Pulizija.

Wara li tressaq huwa ġie eskortat mill-pulizija lejn il-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin fejn jinsabu bħalissa wkoll iż-żewġ akkużati l-oħra b’rabta ma’ dan il-qtil.

Is-suspettat l-ieħor huwa l-Albaniż Daniel Muka ta’ 25 sena. Għal Kristiansen qed jidher l-Avukat Stefano Filetti filwaqt li l-Avukati Joe Giglio u Roberta Bonello qegħdin jidhru bħala parte civile għan-nom tal-familjari tal-vittma.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat George Camilleri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mgħejjun mis-Supretendent James Grech u l-Ispettur Jonathan Ransley.