Lokali

Il-PN isellem il-memorja ta’ Sir Ugo Mifsud

Fiċ-Ċimiterju ta’ Ħal Lija, il-Ħamis waranofsinhar, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech poġġa kuruna ta’ fjuri fuq il-qabar ta’ Sir Ugo Mifsud, li jibqa’ mfakkar bħala l-iżgħar Prim Ministru Malti taħt l-Imperu Brittaniku.

Huwa twieled il-Belt Valletta fl-1889 u ġie elett Prim Ministru ta’ Malta fl-1924, fl-età ta’ 38 sena, f’isem l-Unione Popolare Maltese.

Bl-għaqda tal-partit tiegħu mal-Partit Demokratiku Nazzjonalista ta’ Nerik Mizzi sentejn wara, Sir Ugo Mifsud mexxa l-Partit Nazzjonalista ma’ Nerik Mizzi. Huwa reġa’ ġie elett Prim Ministru ta’ Malta fl-1932 sakemm l-imperu Ingliż, sena wara, irtira l-Kostituzzjoni tal-1921.

Sir Ugo Mifsud miet fl-1942 wara li sofra attakk tal-qalb waqt diskors jaħraq fil-Parlament dwar l-intenzjoni tal-Gvern Brittaniku li jiddeporta bosta Maltin lejn l-Uganda.

Preżenti mal-Kap tal-PN għat-tqegħid tal-fjuri kien hemm is-Sindku ta’ Ħal Lija Anthony Dalli.