Coronavirus Lokali Saħħa

L-anzjani tagħna jistħoqqilhom l-aqwa servizzi tas-saħħa u l-aħjar kura

Irridu l-aqwa standards u prattiċi biex nissalvagwardjaw l-ħajja tal-anzjani tagħna

Mas-saħħa m’hemmx kompromessi u l-anzjani tagħna li sfortunatament qed jintlaqtu bil-pandemija tal-COVID-19 għandhom bżonn l-aqwa servizzi tas-saħħa u l-aħjar kura possibbli. Dan intqal mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni Stephen Spiteri u Maria Deguara waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar l-imxija tal-COVID-19 fid-djar tal-anzjani.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri qal għalkemm mhix dikjarata, pajjiżna jinsab fi stat ta’ emerġenza pubblika bi pressjoni qawwija fuq l-isptarijiet u l-ITU, l-frontliners u l-ħaddiema fis-settur mediku, u b’żieda ta’ pazjenti bil-COVID-19 li qed tħarbat operazzjonijiet oħrajn ta’ pazjenti oħra li wkoll ikollhom bżonn tal-kura immedjata. Huwa qal li l-imxija tal-virus bla dubju qed taffettwa lill-anzjani tagħna li huma persuni vulnerabbli u li bosta drabi jkollhom ukoll mard ieħor, fejn dan l-aħħar ġew irrappurtati każijiet f’sitt residenzi tal-anzjani.

Stephen Spiteri qal li mhux sew li ċertu faċilitajiet insejħulhom sptarijiet meta fil-verita’ ma jkunux għax hekk innaqqsu mid-dinjita’ tal-pazjenti. Huwa qal li l-PN qed jisħaq li l-anzjani jiġu protetti bl-aħjar mod meta ħafna jinsabu inkwetati għas-saħħa tagħhom. Dan jiddependi mid-deċiżjonijiet li jittieħdu, fil-mod kif kulħadd ikun responsabbli u fil-kura li tingħatalhom. Stephen Spiteri qal li l-PN jrid li jkun hemm standards, trattament u kura tal-aqwa kwalita’ biex nagħtu l-aqwa għajnuna u nissalvagwardjaw il-ħajja tal-anzjani tagħna.

Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Anzjani u Anzjanità Attiva Maria Deguara qalet li kien hemm nuqqasijiet fl-isptar is-Samaritan it-Tajjeb u l-ebda awtorita’ ma trid terfa’ r-responsabbilta’. Dan meta r-residenzi tal-anzjani issa jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Anzjani waqt li l-isptar Samaritan it-Tajjeb fejn l-anzjani bil-COVID-19 jaqa’ taħt il-Ministeru għas-Saħħa u sal-lum il-kundizzjonijiet tal-kuntratt bejn il-Gvern u l-isptar inżammu kunfidenzjali. Hija staqsiet lill-Ministru għas-Saħħa jekk jistax jiżgura li l-livell tal-kura hija adegwata, jekk hemmx biżżejjed tobba, infermieri u tagħmir mediku jekk u meta tinqala’ emerġenza, jekk hemmx tobba preżenti 24 siegħa u staff speċjalizzat li jista’ jintervjeni sakemm l-anzjani jiġu trasferiti lejn Mater Dei. 

Maria Deguara għamlet referenza kif familjari rrikorrew fil-Qorti sabiex jiġu rranġati nuqqasijiet u l-anzjani jirċievu kura adekwata, distanza bejn is-sodod mhux skont id-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa u għat-tħassib fost il-qraba li minħabba nuqqas t’ippjanar min-naħa tal-Gvern, anżjani għadhom ma rċevewx it-tilqima kontra l-influwenza. Hija qalet li fl-ewwel mewġa tal-COVID-19 meta l-istaff u l-ħaddiema kienu rranġaw għal roster ta’ living in ma kellniex każijiet tal-virus fir-residenzi ta’ l-anzjani u appellat biex il-Gvern mal-privat jerġa’ jmur għal din is-sistema biex nikkontrollaw l-imxija u nerġgħu nnaqqsu l-imwiet fost l-anzjani.

https://www.facebook.com/partitnazzjonalista/videos/1795649793919399