Lokali Qorti

Pensjonant u raġel jitressqu l-Qorti fuq vjolenza domestika

Pensjonat ta’ 67 sena mill-Gżira u raġel ta’ 46 sena minn Pembroke ġew mixlija separatament quddiem il-Maġistrat Victor Axiak li wettqu vjolenza domestika fuq il-mara tagħhom.

L-anzjan se jibqa’ joqgħod il-Gżira iżda f’garaxx li huwa għandu li ma jinsabx fl-istess Triq tar-residenza tiegħu u ta martu. Il-Qorti wissietu biex huwa ma jersaqx lejn Triq Sliema fejn huwa joqgħod u jekk għandu bżonn imur x’imkien fil-lokalità tal-Gżira jgħaddi minn toroq oħra.

Huwa ġie mixli fil-21 ta’ Novembru li għadda filgħaxija u qabel u dan fuq prjodu ta’ sentejn wettaq vjolenza morali u psikoloġika kif ukoll ikkaġuna fuq martu feriti ħfief.

Ġie mixli wkoll li ta fastidju lil martu u li kkaġunalha biża li se tintuża vjolenza fil-konfront tagħha, u li dan id-delitt sar fil-preżenza ta’ minuri. Ġie mixli wkoll li nsulenta lil martu u li heddidha.

Il-Qorti ordnatlu biex ma jersaqx lejn il-mara u ma jkellimha bl-ebda mod, lanqas fuq il-meżżi soċjali. “Jekk tkun tridni lura?”, l-akkużat staqsa lill-Qorti, bil-Maġistrat Axiak jgħidlu li jekk dan huma l-każ għandu jkellem lill-Avukat tiegħu.

Każ ieħor kien ta’ raġel minn Pembroke li ġie mixli b’akkużi simili u li skont il-Prosekuzzjoni huwa kien diġa’ wettaq reati simili qabel. Fiż-żewġ każi l-irġiel ingħataw il-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000 u ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tan-nisa tagħhom għall-perjodu ta’ erba’ snin.

Huma kienu ordnati wkoll jiffirmaw fl-Għassa tal-Pulizija tad-Distrett tagħhom darbtejn fil-Ġimgħa.