Internazzjonali

Stati Uniti: Joe Biden jinsisti għal gwerra kontra l-Covid-19 u ‘mhux bejn l-Amerikani’

Il-President-elett Amerikan, Joe Biden, sejjaħ għat-tmiem ‘tal-istaġun qalil ta’ diviżjoni ( fost il-poplu)’ meta l-pajjiż qed jiffaċċja xitwa twila u problematika minħabba l-każi rekord tal-Covid-19.

Biden, waqt diskors speċjali għal waqt il-festa tradizzjonali ta’ Thanksgiving, enfasizza l-messaġġ li ‘l-Amerikani jinsabu fi gwerra ma’ virus qattiel ( il-Covid-19) u mhux ma’ xulxin’.

Dan meta l-Istati Uniti, il-ġimgħa l-oħra, irreġistrat ‘il fuq minn 1.2 miljun każ tal-Covid-19 waqt li qed jitwaqqfu r-rekords ġodda ta’ infezzjonijiet fl-artijiet tagħha.

Filwaqt li Biden qed iħejji strateġija koordinata fuq bażi nazzjonali għal kontra l-coronavirus, il-President Amerikan Donald Trump – minkejja l-indikazzjonijiet kollha li tilef l-elezzjoni ta’ dan ix-xahar għall-Presidenza – kompla jħeġġeġ lis-sostenituri tiegħu biex ‘jaħdmu ħalli jaqilbu r-riżultat (tal-elezzjoni)’

Trump għadu jinsisti li l-elezzjoni kienet ‘imbagħbsa’ u– waqt telefonata mill-White House lill-partitarji u leġislaturi tal-Partit Repubblikan f’Pennsylvania – irrepeta l-akkużi mhux sostanzjati dwar frodi elettorali mifruxa.

Intant, il-President taċ-Ċina, Xi Jinping, bagħat messaġġ ta’ kongratulazzjoni lil Joe Biden – bil-messaġġ jintbagħat aktar minn ġimgħatejn wara li r-rebħa elettorali ta’ Biden kienet proġettata mill-media Amerikana.