Internazzjonali

Turkija: L-akkużati dwar l-attentat ta’ kolp ta’ stat jingħataw il-ħabs għal għomorhom

Qorti fit-Turkija imponiet sentenzi ta’ ħabs għal għomorhom lil għexieren ta’ akkużati – fosthom eks uffiċjali  militari– f’wieħed mill-akbar proċessi tal-qorti li saru b’konnessjoni mal-attentat għal kolp ta’ stat tal-2016 f’dan il-pajjiż.

Numru ta’ eks kmandanti tal-Armata u piloti tal-qawwiet tal-ajru Torok kienu fost kważi 500 akkużat mixlija b’attentat speċifiku bil-għan li jwaqqgħu l-amministrazzjoni tal-President Tork, Recep Tayyip Erdogan.

Hu allegat li dawn l-uffiċjali mexxew il-kumplott mill-bażi tal-ajru ta’ Akinci, viċin Ankara.

Il-President Erdogan qed jgħid li r-reliġjuż ewlieni Fethullah Gulen – li qed jgħix f’eżilju fl-Istati Uniti – kien il-moħħ ewlieni wara l-attentat kontra tiegħu li kien seħħ f’Lulju tal-2016.

F’dan l-attentat kienu mietu ‘il fuq minn 250 persuna, b’il fuq minn 2,000 jindarbu.

Il-President kien qiegħed igawdi l-btajjel fil-ħin meta seħħ l-attentat u meta eluf ta’ ċivili rreżistew l-azzjoni kontra l-Gvern waqt li taw appoġġ sħiħ lil Erdogan f’lejla ta’ kaos u dmija.

F’dawn is-sigħat drammatiċi, iċ-ċivili konfrontaw lis-suldati li kienu involuti fil-kumplott waqt li żammew lill-uffiċjali golpisti milli jaħtfu l-poter.

Il-ġuri tal-golpisti beda f’Awwissu tal-2017 u fejn ħafna minnhom iffaċċjaw akkużi relatati ma’ ‘attentat fuq il-ħajja ta’ Erdogan’ u pjan biex huma jaħtfu l-istituzzjonijiet ewlenin tal-Istat.

L-uffiċjali li kienu protagonisti fil-kumplott kienu ħatfu numru ta’ ajruplani fil-bażi ta’ Akinci waqt li żammew ostaġġ lill-eks Kap tal-Istaff Militari, il-Ġeneral Hulusi Akar, flimkien ma’ uffiċjali oħra li ma riedux jappoġġjawhom.

Akkuża speċifika sostniet li mal-25 bdot użaw il-fighter-jets tat-tip F-16 biex jibbumbardjaw il-miri – fosthom il-bini tal-Parlament – f’Ankara. Intlaqtu wkoll il-bini tas-sigurtà ewlenin, b’madwar 70 jitilfu ħajjithom waqt il-bumbardamenti fuq il-kapitali, b’’il fuq minn 200 jindarbu.

Fost l-imputati kien hemm diversi Ġenerali tal-Armata  u numru ta’ ċivili. ‘Il fuq minn għaxar fizzjali militari, fosthom il-bdoti tal-F-16s, ingħataw 79 sentenza kull wieħed ta’ ħabs għal għomorhom.

L-aħħar verdetti nqraw fil-kumpless tal-qorti ta’ Sincan ( l-akbar qorti tal-pajjiż) viċin ta’ Ankara. Dan waqt li sitt akkużati — fosthom Fethullah Gulen — kienu proċessati fl-assenza tagħhom.

Il-moviment ta’ Hizmet li qed imexxi Gulen issemma bħala entità ‘terroristika’ minn Recep Erdogan. Gulen, darba, kien alleat tal-President iżda, minn wara l-attentat tal-2016, hu baqa’ jgħix fl-Istat Amerikan ta’ Pennsylvania. Dan waqt li t-Turkija qed tkompli tinsisti biex hu ikun estradit lejn pajjiżu ‘biex iwieġeb għal tradiment u azzjonijiet kontra l-Istat Tork’.

Dritt wara li falla l-kolp ta’ stat, il-President Erdogan ma żammx lura milli jwettaq kampanja bla ħniena kontra n-nies involuti jew suspettati b’sehem fl-azzjoni kontra tiegħu. Intant, tkeċċew jew spiċċaw sospiżi ‘il fuq minn 100,000 ħaddiema mas-settur pubbliku, inklużi imħallfin u għalliema li kienu akkużati b’rabtiet ma’ Gulen.

Tul iż-żmien, intant, saru diversi proċessi tal-qorti għall-allegati golpisti – bil-qrati fit-Turkija jikkonfermaw ‘il fuq minn 2,500 sentenza ta’ ħabs għal għomorhom għall-imputati.