Futbol Sport

‘X’Sar Minnhom?’ – L-istorja ta’ eks plejer li daħħal lill-klabb tiegħu l-Qorti

X'Sar Minnhom? ma' George Mallia

L-istorja ta’ George Mallia, eks plejer tat-tim nazzjonali Malti, u li llum irtira mill-futbol milgħub hi waħda partikolari, b’laqta kontroversjali. Mallia, li llum għandu 42 sena, kien l-ewwel plejer ta’ karnaġjun skur li lagħab għat-tim nazzjonali. Hu lagħab 65 darba mat-tim nazzjonali Malti u skorja ħames darbiet iżda llum jitqis bħala persona non-grata mill-MFA għaliex kiser l-istatut tal-assoċjazzjoni meta għażel li jieħu lill-eks klabb tiegħu, Qormi l-Qorti wara li dawn, allegatament ma kienux imxew mal-ftehim li kellhom fil-kutratt miegħu.

L-istatut tal-MFA jgħid ċar li dawk involuti fil-familja tal-futbol ma jistgħux jirrikorru għall-qrati, biex jieħdu ġustizzja fuq xi ħaġa, u kwalunkwé kwistjoni għandha tiġi riżolta jew indirizzata internamet, permezz ta-proċeduri ġudizjari li tipprovdi l-MFA. Kien għalhekk li b’dak li għamel Mallia, anke jekk setgħa kellu raġun u kull dritt li jagħmel dan, wassal biex l-MFA tkeċċiħ mill-futbol u tikkonsidraħ bħala persuna non-grata fi ħdanha.

Mallia lagħab ma’ erba’ klabbs differenti u dejjem fil-Kampjonat Premier. Beda’ l-karriera tiegħu ma’ Sliema Wanderers, iżda ta’ 20 sena ssieħeb lir-rivali antiki tal-blues, Floriana fejn magħhom dam jilgħab għal erba’ staġuni. Wara Floriana, Mallia kien trasferit ma’ Birkirkara fl-istaġun 2002/03, fejn magħhom kellu l-aħjar żmien tal-karriera kalċistika tiegħu.

Mal-iStripes, Mallia dam jilgħab tmien snin, biex fl-istaġun 2010/11 hu ffirma ma’ Qormi, iżda magħhom lagħab biss għal staġun wieħed u rrtira mill-futbol. Sussegwentament, kien daħħal lill-klabb il-Qorti.

L-istorja u l-karriera ta’ Mallia, kienet irrakontata mill-plejer innifsu f’intervista riċenti li saret f’din l-iskeda televiżiva tal-programm Replay Preview tal-Ġimgħa filgħaxija, fir-rubrika tant popolari, ‘X’Sar Minnhom?’. Mallia kien intervistat minn Christian Micallef, fir-restorant tas-soltu, Il-Veduta, li jinsab fis-Saqqaja.

Sabiex issegwi din l-intervista tassew interessanti, agħfas hawn.