Internazzjonali

Covid-19: Mitluba evalwazzjoni tal-vaċċin ta’ Oxford/AstraZeneca

Il-Gvern fir-Renju Unit talab lir-regolatur ikkonċernat biex jevalwa mill-ġdid il-vaċċin ta’ Oxford/AstraZeneca għal kontra l-Covid – b’dan ifisser li l-pajjiż għamel ‘pass eqreb’ lejn iċ-ċirkolazzjoni tal-vaċċin fis-suq.

Il-fatt li l-Gvern witta t-triq għall-evalwazzjoni tal-Medicines and Healthcare products Regulatory Agency (MHRA) jimmarka ‘l-ewwel pass sinifikanti’ lejn tilqima approvata kontra l-coronavirus. Dan wara l-aħbar li l-vaċċin inkwistjoni kien ‘ferm effettiv’ waqt il-fażi avvanzata tal-provi.

Il-Gvern Britanniku diġà ordna mal-100 miljun doża tal-vaċċin ta’ Oxford/AstraZeneca – bit-talba lill-MHRA qed issir ġimgħa wara li r-regolatur kien intalab biex jevalwa l-vaċċin għal kontra l-Covid-19 prodott mill-kumpanija Amerikana Pfizer, bil-kollaborazzjoni mal-BioNTech.

Is-Segretarju tas-Saħħa Britanniku, Matt Hancock, qal li l-Gvern tiegħu ‘qed jistinka qatigħ biex ikun fl-aħjar pożizzjoni biex iqassam il-vaċċin’ ladarba ikun approvat mill-MHRA.

Id-Dipartiment tas-Saħħa u Kura Soċjali (DHSC) qal li r-Renju Unit għandu jkun wieħed mill-ewwel pajjiżi fid-dinja li jirċievu vaċċin f’każ li dan ikun awtorizzat. Mistenni li AstraZeneca se jkollha mal-erba’ miljun doża lesti għar-Renju Unit sal-aħħar tas-sena – u mal-40 miljun doża oħra sal-aħħar ta’ Marzu.