Lokali Saħħa

“Dawk l-aktar vulnerabbli qed jiġu mċaħħda mill-vaċċin tal-influenza” – APFD

L-Assoċjazzjoni tat-Tobba tal-Familja (l-APFD) qed titlob minnufih tweġiba mingħand il-Gvern dwar meta u kif huma, bħala tobba privati, se jkunu jistgħu jipprovdu s-servizz tat-titqiba tal-influenza lill-pazjenti tagħhom. Dan hekk kif hija prassi li ta’ kull sena dawn jipprovdu s-servizz ta’ din it-titqiba lil dawk l-aktar vulnerabbli – jiġifieri anzjani u persuni oħra li minħabba kundizzjonijiet ta’ saħħa ma jistgħux joħorġu mid-djar tagħhom biex imorru jieħdu l-vaċċin.

Dawn il-pazjenti jistrieħu fuq it-tobba privati tal-familja biex ikunu jistgħu jieħdu din it-titqiba.

Madankollu jidher li minkejja li t-tobba mxew mal-proċeduri li hemm biex ikun provdut lilhom il-vaċċin sabiex ikunu jistgħu joffru dan is-servizz lil dawk li l-aktar għandhom bżonnu, sal-lum dawn it-tobba baqgħu mingħajr vaċċin għall-pazjenti tagħhom.

Filfatt dawn il-pazjenti ġew maqbuża kemm fil-programm tal-vaċċini ta’ Ottubru kif ukoll dak ta’ Novembru.

L-APFD qed tinsisti għal tweġiba mid-Dipartiment tas-Saħħa u li din is-sitwazzjoni titranġa mill-aktar fis possibbli sabiex dawk l-aktar vulnerabbli u li ma jistgħux joħorġu minn djarhom jingħataw dan is-servizz tant meħtieġ.