Qorti

Il-Bord jordna lil Konrad Mizzi jkun preżenti fl-awla dalgħodu

Wara li lbieraħ l-eks Ministru u llum Deputat indipendenti Konrad Mizzi taha għal Facebook u ħabbar li ma kienx se jixhed fl-inkjesta pubblika fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia fis-seduta skedata għal-lum, il-bord tal-istess inkjesta ordnalu jidher quddiemu kif kien pjanat.

Ilbieraħ waranofsinhar, Mizzi, li tkeċċa minn Deputat fi ħdan il-Labour ftit tax-xhur ilu, kiteb post twil fuq Facebook fejn qal li l-inkjesta ‘ġiet ippolitiċizzata’ u li ntefgħalu t-tajn mill-avversarji tiegħu sabiex issirlu l-ħsara.

Iżda l-Bord tal-inkjesta ma kinitx impressjonata b’dawn il-kliem u l-imħallfin Michael Mallia, Abigail Lofaro u Joseph Said Pullicino ordnaw lill-eks Ministru jidher quddiemhom illum fid-9.30am.

Permezz ta’ digriet, l-imħallfin obbligaw lil Mizzi jattendi għas-seduta skedata u qalu li hu jista’ jagħżel li ma jweġibx għall-mistoqsijiet li jsirulu jekk iħoss li dawn jistgħu jinkriminawh b’xi mod. Qalu wkoll li jekk tinħass il-ħtieġa, ix-xhied tiegħu tista’ tinstema’ bil-bibien magħluqa.