Lokali Qorti

Konrad Mizzi ma jwiġibx għal aktar minn 100 domanda: Kull ma qal li għamel kollox bi qbil ma’ Joseph Muscat u l-kabinett

Konrad Mizzi dieħel il-Qorti (Ritratt: Martin Agius)

L-eks Ministru Laburista Konrad Mizzi ma wieġeb għal ebda domanda magħmlula mill-Bord ta’ Inkjesta u mill-Avukat tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia biex minħabba li qed jiffaċċa inkjesti u nvestigazzjoni mill-Pulizija dwar l-operat tiegħu, li kienu jikkonsistu f’aktar minn 100 domanda.

Madankollu huwa għamel stqarrija li fiha qal li kull pass li għamel u kull deċiżjoni li ħa saret bi qbil mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u bl-approvazzjoni tal-kabinett kollu. Huwa qal ukoll li ddispjaċih ħafna għal dak li ġara lil Daphne Caruana Galizia.

Konrad Mizzi għamel din l-istqarrija wara li l-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino qallu li kellu d-dritt li ma jwieġeb għal ebda domanda, iżda jekk ried li jgħid xi ħaġa seta’ jagħmel dan, għax kien hemm xi xhieda fl-Inkjesta li ppuntaw subajhom lejh.

Il-Bord ta’ Inkjesta staqsa lil Konrad Mizzi aktar minn 50 mistoqsija u l-istess għamlu l-Avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi li qegħdin jirrappreżentaw lill-familja Caruana Galizia.

Fil-bidu l-Bord ta’ Inkjesta qal lil Konrad Mizzi li l-kummenti li tella’ fuq Facebook kienu diżpreġġattivi u hemm lok ta’ disprezz. Mizzi qal li “din l-inkjesta marret ‘il bogħod mill-iskop oriġinali tagħha u huwa ċar li qegħda tintuża minn-Nazzjonalisti biex titmexxa aġenda politika.”

Il-Bord ta’ Inkjesta talab apoloġija fuq dak li qal Konrad Mizzi u tenna li huma mhuma jintużaw minn ħadd. Hawn saru diversi kummenti mill-Avukati ta’ Konrad Mizzi u dawk tal-parti ċivili.

Ma jafx kemm għandu inkjesti pendenti

Qabel ma bdew il-mistoqsijiet Konrad Mizzi qal li qed jiffaċċa diversi inkjesti bħal tal-Vitals u Elecrtrogas, il-Windfarm tal-Montenegro u anke investigazzjonijiet minn naħa tal-Pulizija. Qal li ma jafx kemm huma dawn.

Qal li ma jafx hux qiegħed fuq Police Bail. Tenna li lanqas jaf x’għandu, u jkun jaf biss mill-media. Wieħed mill-Avukati tiegħu qal li qed jiffaċċa tliet inkjesti żgur.

Wara diversi batti-bekki bdew sensiela ta’ domandi mill-Bord ta’ Inkjesta li Konrad Mizzi jirrispondi bil-kliem, “nagħżel li ma nwieġibx.” Fost dawn id-domandi kien hemm, jekk kienx jaf lil Joseph Muscat qabel ma daħal fil-politika, dwar meta faqqgħet l-istorja tal-Panama Papers, x’kienet ir-reazzjoni tal-uffiċċju tiegħu u l-kumpanija fil-Panama Hearnville u strutturi oħra

Huwa ġie mistoqsi wkoll jekk jafx lil Mario Pullicino, l-aġent Malti għat-tanker tal-ħażna tal-LNG f’Delimara li jifforma parti mill-proġett tal-enerġija tal-gass. (Il-kumpanija ta’ Pullicino kienet ġiet identifikata bħala waħda li ddepożitat flus fil-kont bankarju ta’ 17 Black, kumpanija propjetà ta’ Yorgen Fenech).

Il-lista tal-mistoqsijiet kompliet fejn kien mistoqsi jekk jafx min huma s-sidien ta’ Macbridge u jekk għandux rabtiet mal-kumpanija. Ġie mistoqsi wkoll dwar il- €150,000 kull xahar li l-kumpanija tal-Panama tiegħu kienet mistennija tirċievi mingħand Macbridge u għalxiex. Lanqas ma wieġeb jekk marx Dubai u jekk għandux kont bankarju hemmhekk.

Bl-istess mod, huwa jirrifjuta li jwieġeb mistoqsijiet dwar kwalunkwe kont li seta’ kellu fil-Pilatus Bank jew laqgħat mas-sid tal-bank, Ali Sadr. Mizzi ma jweġibx meta mistoqsi jekk kienx ħa passi kontra xi ġurnalist, inkluż Daphne Caruana Galizia, wara li ħarġu l-istejjer fuq l-Panama Papers.

F’mument minnhom Comodini Cachia ippreżentat lill-inkjesta kopja ta’ ittra maħruġa minn ditta legali tar-Renju Unit li thedded azzjoni legali. Mizzi jgħid li jixtieq jaraha.

L-avukat ta’ Mizzi, Jean Paul Sammut jieħu kopja tal-ittra. Il-mistoqsijiet komplew u Mizzi kien mistoqsi jekk kienx jaf lil Keith Schembri qabel il-politika iżda jkompli jagħżel li jibqa’ sieket.

Kien mistoqsi dwar email ta’ Karl Cini ta’ Nexia BT dwar 17 Black u jekk kellux xi relazzjoni ta’ negozju ma’ Keith Schembri. Mizzi intwera dokument ieħor mill-bord, li huwa qara u dwar dan ukoll ma riedx iwieġeb.

Mizzi jirrifjuta li jwieġeb dwar kull bidla fil-portafoll tiegħu, dwar it-trasferiment tal-art tal-ITS u l-VGH, dwar il-windfarm u meta ta lil Kevin Chircop il-permess biex jipproċedi bil-ftehim.

Huwa mitlub jispjega wkoll ir-rwol ta’ Projects Malta. Huwa kien mistoqsi dwar l-uffiċjal ta’ Shanghai Electric Power Chang Chen u jekk kellux rabtiet kummerċjali miegħu, u dwar il-ftehim tal-VGH u Ram Tumuluri.

Mizzi huwa mistoqsi wkoll dwar l-investituri individwali fil-ftehim tal-isptarijiet tal-VGH iżda jinsisti li ma jwieġeb l-ebda mistoqsija. Huwa kien mistoqsi meta kienet l-aħħar darba li tkellem ma’ dawn il-persuni ta’ poter u jekk jafx lil Yorgen Fenech, Mark Gasan u Paul Apap Bologna.

Kien mistoqsi ukoll dwar jekk il-memorandum of understandin (MoU) dwar dawn il-proġetti kbar ikunx iffirmat minnu jew minn ministri oħra L-Imħallef Said Pullicino qal lil Mizzi li għandu d-dritt li jwieġeb kif għamel hu.

L-interess huwa biss għal ġid tal-inkjesta

“Dak li jinteressana hawnhekk. Kellna bosta Ministri hawn li ppuntaw subgħajhom lejk. Irridu li jkollna ż-żewġ naħat, mhux waħda biss. L-opportunità li tagħmel id-talba tiegħek issa hija. Mhux qed niġġudikak hawn; aħna interessati biss fl-amministrazzjoni pubblika. “

Konrad Mizzi wieġeb billi qal li meta jgħaddi kollox, b’referenza għall-inkjesti u l-investigazzjonijiet li għaddejjin fuqu huwa lest li jerġa’ jidher quddiem il-Bord u jwieġeb għad-domandi.

Mizzi hawn jingħata l-ħin biex jikkonsulta mal-avukati tiegħu mill-bord. Is-sessjoni tieħu waqfa qasira. Mizzi mar jitkellem mal-avukati barra l-awla. Wara bdew id-domandi tal-Avukati Comodini Cachia u Azzopardi li fost oħrajn staqsew għaliex l-eks Ministru tal-ekonomija Chris Cardona tħalla jiffirma MOUs iżda mhux jinnegozjahom.

Dwar Cheng Chen u l-bejgħ tal-power station, il-kumpaniji offshore Torbridge, il-kumpaniji tal-Panama, u l-istrutturi tan-New Zealand li nfetħu fl-2014, dwar il-laqgħat tiegħu ma’ Yorgen Fenech.

Dwar email li tagħti dettalji dwar laqgħa f’Settembru ma’ Turab Musayev u Yorgen Fenech, dwar email ta’ April 2018 mis-Segretarju Permanenti Ronald Mizzi lil Musayev, David Galea, Yorgen Fenech u oħrajn, li fiha Mizzi jibgħat emendi għal stqarrija għall-istampa tas-SOCAR.

Dwar il-kumpanija tal-Panama u l-istruttura offshore tiegħu, imwaqqfa wara l-2013; kemm qabel kien ta struzzjonijiet lil Nexia BT biex iwaqqafhom; u min kien introduċieh ma’ Nexia BT.

Dwar il-profitt ta’ €4 miljun li ħa Yorgen Fenech kienx maqsum? Min kien l-UBO ta’ Egrant u referenza għal numru ta’ ittri dwar Electrogas u Vitals u jekk kienx jaf il-Prim Ministru bihom

Dwar jekk kienx hemm komunikazzjoni mal-PM dakinhar tal-qtil ta’ Caruana Galizia. Huwa jirrifjuta li jwieġeb ukoll dwar meta ltaqa’ għall-ewwel darba ma’ Ram Tumuluri tal-Vitals u jekk kienx jaf bid-data tal-elezzjoni bikrija fl-2017 u kemm flus ta Yorgen Fenech lill-PL wara l-2012?

Dwar jekk kienx jaf li b’xi ħadd li kien konxju mill-pjan biex tiġi eliminata Caruana Galizia u x’kienet ir-reazzjoni tiegħu għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia qal li kien se jagħmel dikjarazzjoni.

“Caruana Galizia kienet tikkritikani ħafna. Nifhem ir-rabja tal-familja tagħha fuq il-mewt tagħha. Fl-aħbar tal-mewt tagħha, kulħadd kien ixxukkjat.

“Ma rridx nippreġudika l-investigazzjonijiet, ma nistax nesprimi opinjoni dwar il-ħtija ta’ xi ħadd. Mhuwiex xogħol tiegħi. Bqajt ixxukkjat. Impattatni u kellha impatt ukoll fuq il-viżjoni tiegħi.

“Kull ma nista’ ngħid huwa li ma lgħabt l-ebda parti u li ninsab imnikket.” Mizzi esprimi wkoll il-kondoljanzi tiegħu lill-familja. l-Avukat Comodini Cachia rrimarkat li għandu żewġ kawżi ta’ libell pendenti kontra Caruana Galizia.

Mizzi qal li libell wieħed għandu u dan jinvolvi partijiet terzi. “Jekk nirbaħ il-libell ma għandix l-intenzjoni li nieħu xi flus mill-familja,” huwa qal.

Baqa’ jikkummenta fuq Facebook sa ftit tal-ħin qabel bdiet l-Inkjesta

Fil-bidu tas-seduta l-Bord ġie nfurmat mill-Avukat Therese Comodini Cachia li fid-9.25pm tella’ post ieħor fuq facebook fejn qal li – “din l-inkjesta marret lil hinn mill-ambitu oriġinali tagħha u jidher ċar li qed tintuża min-Nazzjonalisti biex tmexxi l-aġenda politika tagħhom.

“Filwaqt li dejjem ikkollaborejt mal-investigazzjonijiet kollha, żgur li mhux se nwieġeb mistoqsijiet min-Nazzjonalisti Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia. M’għandi l-ebda obbligu li nħalli lill-assassini politiċi jieħdu vantaġġ minn din l-inkjesta pubblika.

Għalhekk m’inix se nwieġeb xi mistoqsija u m’għandi l-ebda intenzjoni li nieħu sehem fit-teatru tagħhom. ” Hawn l-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodi Cachia qalu li dan huwa kollu kliem diżġreġġattiv.

Comodini Cachia, avukat tal-familja Caruana Galizia, tgħid qalet li kienet qed toġġezzjona għall-allegazzjonijiet magħmula minn Mizzi fil-post ta’ Facebook.

Dawn huma kummenti diżpreġġattivi u hemm lok ta’ disprezz. “Din l-inkjesta marret ‘il bogħod mill-iskop oriġinali tagħha u huwa ċar li qegħda tintuża minn-Nazzjonalisti biex titmexxa aġenda politika.”

Peralta qal li Konrad Mizzi jista’ jixhed dwar dak li ma joħloqx riskju ta’ inkriminazzjoni. Mizzi allega wkoll li l-Injkesta pubblika hija farsa. L-eks Ministru Laburista, illum MP indipendenti, qal li l-avversarji politiċi tiegħu ħolqu suspetti malizzjużi biex jeħilsu minnu.

L-Inkjesta Pubblika għandha l-għan li tistabilixxi jekk l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia setax jiġi evitat mill-Istat. L-Avukati Carol Peralta, li huwa eks Maġistat u Jean Paul Sammut dehru għal Konrad Mizzi, l-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia bħala parte civili u l-Avukat Maurizio Cordina f’isem l-Avukat tal-Istat.