Lokali

L-isport għenha tegħleb l-epilessija

Mill-aħħar ta' ħajjitha għall-maratoni

Kienet f’qiegħ ta’ sodda waslet biex tmut iżda ma qatgħetx qalbha… anzi ħadet sehem fi 11-il maratona, żewġ ultras, u ġriet madwar 126 kilometru… tant li permezz t’hekk irnexxilha tegħleb l-epilessija.

Din hi Trudy Kerr li fuq il-paġna personali ta’ Facebook esprimiet kif fl-2010 kellha inċident kważi fatali tant li sofriet minn emoraġija. Tliet snin wara, Trudy kellha l-opportunità li tieħu sehem fl-ewwel maratona tagħha li saret f’Londra, propju f’għeluq l-40 sena tagħha.

Trudy, li għal snin sħaħ kienet ta’ kuraġġ għal ħafna, qalet li sabet diversi persuni li tawha s-sapport iżda fuq kollox urew li jemmnu fiha biex b’hekk irnexxilha tagħmel 42 kilometru f’ġiri. U kien hawnhekk fejn ħajjet Trudy inqalbet ta’ taħt fuq tant li l-ġiri wassalha biex tfieq mill-epilessija mingħajr ma ħadet ebda tip ta’ mediċini.

Hi kompliet tgħid li tinsab ċerta li s-sena d-dieħla se ġġib magħha ħafna sfidi iżda par żarbun wieħed se jwassalha fejn tixtieq! Par żarbun li mhux talli għin lilha, iżda wkoll lill-ambjent minħabba li hu magħmul minn plastik riċiklat li nstab f’qiegħ ta’ baħar.

“Miniex atleta,” qalet Trudy. “Miniex żgħira fl-età. Iżda jien determinata għax jien ikbar mill-iskużi.”