Futbol Sport

Replay se jkun qed ifakkar u jsellem il-memorja ta’ Maradona

(Ritratt: EPA)

Id-dinja sportiva għadha qed tibki l-mewt ta’ wieħed mill-aqwa plejers tal-futbol internazzjonali ta’ kull żmien, Diego Armando Maradona. Matul din it-tmiem il-ġimgħa, il-programmi Replay fuq Net Television se jkunu qed iselmu ukoll il-memorja ta’ dan il-plejer leġġendarju Arġentin, b’filmati mill-imgħoddi u saħansitra interventi ma’ individwi li b’xi mod għandhom rabta miegħu.

Illejla, f’Replay Preview tal-Ġimgħa filgħaxija, li jibda fid-9:30pm fuq Net Television, se jixxandar servizz speċjali dwar il-karriera u ħajjet ‘El Pibe de Oro’. B’kitba mill-aqwa tal-ġurnalist sportiv veteran u eks co-producer ta’ Replay Ġorg Micallef, se nkunu qed ngħixu mill-ġdid il-mumenti l-aktar importanti li fit-tajjeb u l-ħażin ikkarateriżżaw il-ħajja kalċistika ta’ Maradona.

Anke fil-programm Replay ta’ nhar il-Ħadd li ġej, il-produzzjoni ta’ dan il-programm sportiv qed tipprepara tislima speċjali li tfakkar kif jixraq lil din il-personalitá daqstant kbira fid-dinja tal-futbol. Sintendi, f’Replay Preview tal-lum, ikun hemm ħarsa estensiva lejn id-disa’ ġurnata tal-Kampjonat Premier f’Malta, li se tkun qed tintlagħab bejn għada s-Sibt u nhar il-Ħadd li ġej.

Mistieden fil-programm tal-lejla, li jixxandar mir-restorant li jinsab is-Saqqaja, Il-Veduta, se jkun hemm l-opinjonista ta’ Replay, Konrad Sultana. Bi presentazzjoni ta’ Christian Micallef, waqt il-programm tal-lejla, se tkun qed issir diskussjoni dwar temi attwali marbuta mal-futbol Malti, kif ukoll reazzjoni għal dak li ħareġ mill-intervista esklussiva li ta l-kowċ nazzjonali Devis Mangia lil Replay, ġimgħa llu. Din l-intervista kienet segwina minn ħafna permezz tat-televiżjoni kif ukoll il-paġna ta’ Replay fuq Facebook, u ħoloqt diskussjoni qalb id-dilettanti tal-futbol lokali dwar diversi temi diversi.

Replay Preview tal-lejla l-Ġimgħa filgħaxija, jixxandar fid-9:30pm fuq Net Television.